1. Sfond
Id-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni (DKSE) fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-ISport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, responsabbli mill-assigurazzjoni tal-kwalità tal-iskejjel (3-16) bħalissa jinsab fil-proċess li jiżviluppa l-Qafas ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni f’Malta.
Il-kwalità trid tiġi mmonitorjata u mtejba kontinwament. Dan jitlob mekkaniżmi effettivi ta' assigurazzjoni ta’ kwalità fil-livelli kollha tal-edukazzjoni. L-assigurazzjoni tal-kwalità għandha rwol ewlieni biex tara li l-viżjoni ta’ Malta għall-edukazzjoni ssir realtà. Mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità huma meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet edukattivi qed jaħdmu b’mod konsistenti biex jipprovdu lill-istudenti fl-iskola pre-obbligatorja u obbligatorja b’esperjenza edukattiva ta’ livell għoli, li tiffoka fuq l-iżvilupp u l-benessri ħolistiku matul il-vjaġġ edukattiv kollu tagħhom. Fl-isforzi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, is-sistema edukattiva għandha tkun appoġġata minn qafas ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità ċar u robust li l-għan tiegħu huwa li jimmonitorja u jevalwa l-kwalità tal-provvista tal-edukazzjoni b’mod affidabbli u ħolistiku. Dan il-qafas għandu l-għan li jxerred fehim komuni fost l-imsieħba dwar dak li tinvolvi l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-istituzzjonijiet edukattivi. Barra minn hekk, il-qafas huwa wkoll immirat li jipprovdi lill-edukaturi b’għodda essenzjali li jgħinuhom jirriflettu fuq tliet oqsma importanti tal-edukazzjoni: it-tmexxija u l-immaniġjar tal-iskola, it-tagħlim, u l-ethos tal-iskola. Il-qafas għandu l-għan ukoll li jiddeskrivi kif il-kisba ta' standards ta' kwalità f'kull qasam qed tiddetermin il-kisba ta' kwalità fl-edukazzjoni.
Id-DKSE ħatret numru ta’ focus groups magħmulin minn imsieħba fil-qasam tal-edukazzjoni. Dawn il-gruppi flimkien ma' eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika usa' għandhom l-għan li jipprovdu feedback dwar dan l-abbozz propost.
2. Mistoqsijiet dwar il-Konsultazzjoni
- Il-Qafas juża l-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (2012) u l-politiki nazzjonali bħala l-bażi biex jispjega kif l-assigurazzjoni tal-kwalità tiġi mmonitorjata u evalwata. Taħseb li dan jidher ċar?
- Kemm taħseb li dan il-Qafas jiffoka fuq l-iżvilupp ħolistiku tal-istudenti matul il-vjaġġ edukattiv kollu tagħhom?
- Taħseb li dan il-Qafas jista’ jsostni edukazzjoni ta’ kwalità għolja (essenzjali għall-impjegabbiltà, il-koeżjoni soċjali, u s-suċċess ekonomiku u soċjali ta’ Malta)?
- L-għan tal-Qafas huwa li jxerred fehim fost l-imsieħba dwar dak li tinvolvi l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-istituzzjonijiet edukattivi. Tħoss li dan inkiseb?
- Id-DKSE tqis l-assigurazzjoni tal-kwalità fuq binarji ta’ struttura u proċess. Taħseb li dan il-mekkaniżmu huwa effettiv biżżejjed biex iġib edukazzjoni ta’ kwalità?
- Kemm hu faċli jew ta' sfida għall-iskejjel li jagħmlu sens mir-rabta bejn il-mekkaniżmi interni u esterni ta' assigurazzjoni tal-kwalità li jwassal għal titjib?
- Hemm xi ħaġa li d-dokument seta’ injora, huwa nieqes, jew ma jagħtix dettalji biżżejjed?
3. Dokumenti