Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

About-Us

No

Dwar id-Dipartiment

​​​​​​​​​​​Id-Dipartiment tal-Informazzjoni għandu l-għan li jipprovdi lill-pubbliku informazzjoni aġġornata, komprensiva u ta’ siwi dwar il-politika, is-servizzi u l-attivitajiet tal-Gvern kif ukoll dwar affarijiet ta’ interess pubbliku, u biex tiġi promossa immaġni xierqa tas-Servizz Pubbliku u tal-pajjiż. 

 
TAGĦRIF STORIKU
 
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni twaqqaf għall-ewwel darba mill-Gvern Ingliż fl-1939. Wara diversi stadji ta’ żvilupp, sal-1957 ir-rwol tiegħu kiber b’tali mod li s-servizzi turistiċi nqatgħu u saru unit separat, u b’hekk inħolqot l-opportunità biex id-DOI iwettaq ir-rwol li għandu issa. 
 
FUNZJONIIJIET TAD-DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI
 
Il-funzjoni ewlenija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni hija li jip​provdi rabta bejn il-Gvern u l-pubbliku. Id-Dipartiment jipprovdi​​ dawn is-servizzi li ġejjin​​: 
 
Servizzi Elettroniċi
 
Id-Dipartiment jieħu ħsieb il-kontenut fuq il-Portal Uffiċjali tal-Gvern (www.gov.mt), l-Intranet għas-Servizz Pubbliku u l-paġni uffiċjali tad-dipartiment fuq Facebook u ​​Twitter​​

Sales Office u Punt ta’ Informazzjoni
 
Pubblikazzjonijiet mibjugħa mid-DOI jinkludu: Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Gvern, il-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, id-diskorsi tal-Baġit, l-Estimi Finanzjarji u s-Surveys Ekonomiċi, Abbozzi ta’ liġijiet imressqa fil-Parlament, Atti tal-Parlament, Avviżi Legali, rapporti dwar statistika u pubblikazzjonijiet oħra varji. Ritratti li juru firxa wiesgħa ta’ suġġetti bħal laqgħat internazzjonali u konferenzi li jsiru f’Malta, Żjarat Statali u Uffiċjali, Festi Nazzjonali, Patrimonju Nazzjonali u veduti mill-ajru ta’ Malta, kif ukoll DVDs bi produzzjoni tad-Dipartiment huma wkoll għal bejgħ lill-pubbliku​.  ​Mistoqsijiet, ilmenti, u talbiet għal assistenza fuq diversi suġġetti ta’ interess pubbliku jistgħu jsiru fuq info.doi@gov.mt​, jew bit-telefown fuq 22001704/96​.

Arkivji Fotografiċi
 
L-arkivji fihom kollezzjoni vasta ta’ materjal fotografiku kemm kontemporanju kif ukoll storiku li jmur lura għaż-żminijiet meta d-DOI kien prattikament l-unika organizzazzjoni li kienet tiġbor l-informazzjoni f’Malta. Il-pubbliku jista' jara għażla ta’ ritratti arkivjati fid-DOI Photo Gallery. Għal iktar informazzjoni dwar id-disponibbiltajiet ta’ ritratti u biex tagħmel ordni, ikkuntattja lil photo.library@gov.mt

Riċerka fil-Librerija

Id-Dipartiment joffri l-faċilità li ssir riċerka relatata ma’ edizzjonijiet imgħoddija tal-Gazzetta tal-Gvern (li jmorru lura sas-Seklu 19), jew relatata ma’ stqarrijiet għall-istampa u pubblikazzjonijiet oħra maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni. Għal aktar informazzjoni u biex tagħmel appuntament għar-riċerka, ikkuntattja lil info.doi@gov.mt  jew bin-numru tat-telefown 2200 1777.

Video Production

Id-Dipartiment jipproduċi dokumentarji ta’ interess nazzjonali, bħal dawk dwar il-Poeta Nazzjonali Malti Dun Karm Psaila, il-Ferrovija ta’ Malta u l-għoti tal-George Cross. Id-D​​ipartiment jipprovdi wkoll materjal awdjo viżiv ta’ diversi okkażjonijiet li jinkludu żjarat uffiċjali f’Malta u avvenimenti statali fost oħrajn. Ir-restawr, id-diġitalizzazzjoni u l-arkivjar ta’ filmati storiċi (16mm) huwa wkoll proċess kontinwu li jsir mid-Dipartiment.  ​

Media Monitoring Unit
 
Din it-taqsima timmonitorja l-aktar kwistjonijiet reċenti fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif irrappurtati fil-media stampata lokali, u sommarju jintbagħat lil klijenti interni​. Il-media monitorjata attwalment tikkonsisti fil-ġurnali ta’ kuljum u dawk ta’ kull ġimgħa.
 
Relazzjonijiet mal-Media
 
L-organizzazzjonijiet tal-Media ta’ kuljum jirċievu b'mod immedjat l-istqarrijiet ​uffiċjali​, stedina​ biex jattendu avvenimenti​ tal-gvern, avviżi, materjal fotografiku u informazzjoni oħra bil-posta elettronika​. Il-membri tal-media lokali u barranija jingħataw faċilitajiet ta’ akkreditazzjoni, arranġamenti għall-media matul avvenimenti tal-gvern, gwida u assistenza.  Isiru wkoll arranġamenti għal rappreżentanti tal-media lokali meta jakkumpanjaw lill-President u l-Prim Ministru ta’ Malta għal żjarat uffiċjali barra minn Malta.
 
Id-Dipartiment jikkordina wkoll faċilitajiet li jingħataw lill-midja waqt funzjonijiet statali, avvenimenti nazzjonali, l-elezzjonijiet ġenerali u tal-Kunsilli Lokali u avvenimenti oħra.  

Servizzi Fotografiċi 
 
Id-Dipartiment ikopri b'servizz fotografiku estensiv l-attivitajiet tal-Gvern, kif ukoll l-avvenimenti nazzjonali.  It-taqsima tiżgura li l-materjal diġitali fotografiku jasal għand il-media mill-iktar fis possibbli.

Servizz Informazzjoni tal-Gvern 

Is-Servizz Informazzjoni tal-Gvern jipprovdi lill-membri tal-pubbliku informazzjoni u materjal dwar is-servizzi u l-attivitajiet tal-Gvern. Is-Servizz Informazzjoni tal-Gvern huwa disponibbli permezz tal-e-mail fuq info.doi@gov.mt. Is-Servizz Informazzjoni tal-Gvern jilqa' lill-membri tal-pubbliku li jżuru l-uffiċċju tal-Customer Care f'numru 3, Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta, biex jiksbu informazzjoni, kif ukoll jiġbru letteratura u dokumenti oħra ppubblikati dwar is-servizzi u l-attivitajiet tal-Gvern. . 

Reġistru tal-Istampa
 
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni ilu mill-1988 responsabbli mir-Reġistru tal-Istampa fejn jiġu reġistrati gazzetti, stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni u jsir aġġornament skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Medja u Defamazzjoni​. Fir-Reġistru tal-Istampa, jintbagħtu applikazzjonijiet għal finijiet ta’ reġistrazzjoni minn edituri u pubblikaturi ta’ gazzetti u rivisti, u minn edituri ta’ stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni;  jitħejjew u jinħarġu ċertifikati bil-firma tar-Reġistratur tal-Istampa li jitolbu konferma ta’ status ta’ editur biex ikunu depositati bħala evidenza f’kawżi ta’ libell li jitressqu quddiem il-Qrati. 
 
Pubblikazzjonijiet
 
Id-Dipartiment huwa responsabbli mill-ġbir u l-pubblikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, kemm fil-verżjoni stampata, kif ukoll f'dik elettronika. F’din it-Taqsima jinħoloq materjal stampat u elettroniku ieħor dwar is-servizzi tal-Gvern u dwar materji ta’ interess pubbliku.