gov.mt

PR240222

PR240222

12/02/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI: Malta mudell b’saħħtu u effettiv ta’ politika ta’ akkomodazzjoni soċjali

​​


Waqt laqgħa ministerjali informali fi Brussell, fejn ġiet diskussa t-tema ta’ persuni bla saqaf fuq rashom, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes semma li pajjiżna fassal policies soċjali favur il-benesseri tan-nies u li jirrikonoxxu l-akkomodazzjoni mhux biss bħala neċessità iżda bħala pilastru ċentrali fis-soċjetà.
​​​​

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Galdes qal li Malta qed twettaq numru ta’ strateġiji sabiex jinħoloq progress tanġibbli fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u li twassal għal inklussività sħiħa. Tenna li pajjiżna kommess li jkompli jappoġġja individwi fil-bżonn u semma li lil hinn minn soluzzjonijiet immedjati għall-kenn u l-akkomodazzjoni, tiġi pprovduta wkoll għajnuna fl-impjiegi u aċċess għal servizzi essenzjali.

Il-ministru semma wkoll id-diversi skemi biex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom. F’dan ir-rigward, semma l-iskema New Hope Guarantee li tippermetti li individwi bi sfidi mediċi jew b’diżabilità li ma kienx jirnexxielhom jiksbu polza tal-assigurazzjoni jsiru sidien ta’ darhom billi l-Gvern qed jidħol hu bħala guarantor. Semma wkoll l-iskema ta’ equity sharing, l-iskema ta’ €1,000 fis-sena fuq medda ta’ 10 snin lill-first-time buyers u l-iskema ta’ 10% Depożitu fuq Konvenju għax-Xiri ta’ Proprjetà, fost skemi oħra.

“Nagħrfu wkoll l-importanza li ninvolvu sidien ta’ proprjetajiet privati u permezz tal-iskema Nikru Biex Nassistu, qed inħeġġu sidien jikru proprjetajiet lill-Awtorità tad-Djar. B’hekk qed inkomplu nżidu n-numru ta’ proprjetajiet għall-akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li għaddejja ħidma biex jinbnew aktar units tal-akkomodazzjoni soċjali,” spjega l-Ministru Galdes u temm jgħid li Malta kommessa li tkompli bil-ħidma biex ikollna sistema ta’ akkomodazzjoni inklussiva u ekwa.