Aġenzija Żgħażagħ għal darb'oħra reġgħet nediet diversi fondi fi skemi għall-għaqdiet volontarji taż-żgħażagħ jew l-għaqdiet li jaħdmu maż-żgħażagħ, kif ukoll għal għaqdiet mużikali tal-każini tal-banda. Dawn l-iskemi baqgħu jsiru sena wara sena, bl-ammont mogħti lil dawn l-għaqdiet jikber dejjem aktar. Din is-sena l-ammont totali li se jkun mogħti lill-għaqdiet volontarji jlaħħaq it-€300,000. L-iskemi A4U, BeActive, u t-Tagħlim ta' Strumenti Mużikali għandhom l-għan li jkomplu jkabbru l-ġid fil-komunità permezz ta' proġetti li jsiru mill-għaqdiet volontarji. Kull għaqda li tapplika sabiex tgawdi minn dawn l-iskemi tista' tieħu sa massimu ta' €4,000 sabiex tiffaċilita aktar il-ħidma fis-settur taż-żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza ta' skemi simili immirati b'mod partikolari għaż-żgħażagħ. “Huwa importanti li nagħmlu ħilitna sabiex iż-żgħażagħ tagħna jitrawmu dejjem aktar f'vokazzjonijiet ta' dan it-tip li l-profitt tagħhom mhuwiex wieħed monetarju iżda ta' sodisfazzjon personali. Aħna bħala Gvern, permezz t'Aġenzija Żgħażagħ, qegħdin nagħtu għajnuna żgħira sabiex dawn il-voluntiera li jagħtu ħinhom u saħħithom fil-komunità jkollhom aktar riżorsi biex jaħdmu." Huwa kkonkluda billi ħeġġeġ aktar għaqdiet volontarji taż-żgħażagħ jew li jaħdmu maż-żgħażagħ jinteressaw ruħhom f'dawn l-inizjattivi sabiex ikomplu jkattru l-ġid u l-kontribut tagħhom fis-soċjetà.
Il-Manager tal-Youth Empowerment f'Aġenzija Żgħażagħ, is-Sinjura Maria Borg, saħqet dwar ir-rieda t'Aġenzija Żgħażagħ li tkompli toffri skemi simili u kemm huwa importanti li aktar għaqdiet taż-żgħażagħ jew li jaħdmu maż-żgħażagħ ifittxu li jibbenefikaw minnhom. Hija sostniet li permezz tal-iskemi A4U u BeActive, kif ukoll bl-iskemi tat-tagħlim mużikali, Aġenzija Żgħażagħ irnexxielha toħloq sistema ta' katina bejn diversi għaqdiet biex b'hekk ikun hemm aktar kollaborazzjoni, mhux biss mal-aġenzija nnifisha, iżda anki bejniethom biex b'hekk jitgħallmu u jikbru flimkien, jagħtu sapport lil xulxin, u joħolqu proġetti ikbar u aktar ambizzjużi.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sat-23 t'Ottubru f'12pm u jistgħu jiġu aċċessati mis-sit www.vofunding.org.mt jew youth.gov.mt.