Għal sena oħra, Malta bir-reġistru 9H tibqa’ l-ġurisdizzjoni tal-għażla fl-industrija tal-avjazzjoni. Kien dan is-sentiment ewlieni waqt l-Expo u l-konferenza EBACE f’Ġinevra fejn fiha jiltaqgħu d-ditti u l-operaturi kollha, jiġu eżebiti l-aqwa avvanzi teknoloġiċi u jiġu diskussi temi b’ħarsa lejn il-futur tal-industrija.
Għal sena oħra, bħala r-regolatur Transport Malta, permezz tad-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, kienet preżenti flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia. Farrugia kien ukoll wieħed mill-kelliema ewlenin tal-konferenza fejn kellu l-opportunità jelenka l-elementi wara s-suċċessi ta’ Malta.
Hu spjega kif permezz tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, Malta hija waħda mill-atturi ewlenin ta’ din l-industrija. Din il-Konvenzjoni tinkludi att leġiżlattiv robust dwar ir-reġistrazzjoni tal-ajruplani, inċentivi ta’ taxxa u għal dawk li jridu jsewwu l-ajruplani f’pajjiżna, f’komunità dejjem tikber ta’ private jets u regolatur aċċessibbli.
Aaron Farrugia qal li l-ħidma ma taqta xejn qed tkompli tħalli l-frott mixtieq hekk kif wara li l-Gvern ħabbar l-ewwel politika tiegħu għall-avjazzjoni ċivili, bdiet ħidma biex jiġi aġġornat l-Att dwar in-Navigazzjoni tal-Ajru. Fl-aħħar jiem dan ġie ppreżentat fil-parlament u mistenni jaġġorna u jneħħi referenzi qodma u jippermetti wkoll li bidliet tant meħtieġa jiġu implimentati b’mod aktar spedit.
F’Ġinevra, l-Ministru Farrugia ltaqa’ ma’ diversi operaturi u imsieħba fl-industrija tal-avjazzjoni. Tul din il-fiera, huwa indirizza s-“Sustainability Summit”, fejn saħaq kif pajjiżna laħaq tragward b’saħħtu ta’ 205 reġistrazzjoni ta’ ajruplani f’sena waħda biss. Dan filwaqt li bħalissa għandna 47 ċertifikat tal-operaturi tal-ajru (AOCs), bl-aktar wieħed riċenti maħruġ ftit ġimgħat ilu lil SkyUp MT. Dan flimkien ma’ 823 ajruplan fir-reġistru 9H.
“L-industrija tal-avjazzjoni tiġġenera mas-€600 miljun fis-sena fl-ekonomija tagħna, tħaddem eluf ta’ persuni filwaqt li hija responsabbli mit-trasport ta’ miljuni ta’ passiġġieri. L-industrija hija kkunsidrata bħala pilastru ekonomiku fundamentali għal pajjiżna. Filwaqt li nirrikonoxxu l-potenzjal għal aktar żvilupp, bħala Gvern identifikajna l-avjazzjoni bħala qasam ewlieni għat-tkabbir. Madankollu, huwa essenzjali għalina li nindirizzaw ir-riskji li dan is-settur qiegħed jiffaċċja primarjament permezz tad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur. Kien għalhekk li Malta kienet proattiva bil-politika ġdida tagħha,” ikkonkluda l-Ministru Farrugia.