Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo żar l-uffiċini ġodda tal-AgriConnect f’Ta’ Qali. Dan huwa r-raba’ post li ser ikun qed jinfetaħ wara dawk fil-Mellieħa, f’Ħaż-Żabbar u f’Għawdex, sabiex jintlaħqu aktar bdiewa u raħħala f’aktar lokalitajiet, din id-darba fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Il-Ministru Refalo qal li b’dan l-investiment il-gvern qed ikompli jgħin lill-bdiewa u lir-raħħala sabiex jingħataw informazzjoni fuq servizzi provduti lilhom. “Il-bdiewa u r-raħħala li jibbenefikaw minn servizzi tal-AgriConnect ikunu wkoll jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet imnaqqsa għal servizzi oħrajn offruti minn AgriConnect bħal korsijiet li jwasslu għal-liċenzja ġdida fuq il-protezzjoni tal-pjanti, korsijiet ta’ tiġdid fuq l-istess liċenzja u anke servizz ta’ konsultazzjoni dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Pesti sabiex il-bidwi jkun jista’ jibbenefika minn skemi taħt fondi Ewropej,” spjega l-Ministru Refalo.
Id-Direttur għall-Agrikoltura Marco Dimech spjega li s-servizzi offruti minn AgriConnect jappoġġaw lill-bdiewa u lir-raħħala bil-għan li jiksbu l-konformità u r-rekwiżiti tekniċi kollha meħtieġa biex ikollhom aċċess għal tipi differenti ta' finanzjament u appoġġ konsultattiv li jista’ jgħinhom f’opportunitajiet ta’ diversifikazzjoni, jipproduċu prodott ta’ kwalità ogħla u prodotti innovattivi u tekniċi ta’ biedja, filwaqt li jippjanaw u jistrutturaw in-negozju tal-biedja tagħhom b’mod effettiv f’kull rispett.
Il-Ministru Refalo temm jgħid li dan is-servizz iservi mhux biss biex jinċentiva lill-bdiewa u li-raħħala, iżda wkoll iservi sabiex jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ sabiex jagħżlu dan is-settur għall-karriera tagħhom u jgħinhom jibbenefikaw minn fondi allokati speċifikament għalihom.