gov.mt

PR230792

PR230792

26/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jingħata l-warrant lil 118-il edukatur

118-il edukatur ingħataw il-warrant mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, f'ċerimonja tal-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema, li saret fil-Ministeru għall-Edukazzjoni. Il-parti l-kbira ta' dawk li rċevew il-warrant iggradwaw madwar sentejn ilu u wara sentejn prattika ġew ikkonfermati bħala għalliema permezz ta' dan il-warrant. L-għalliema li rċevew il-warrant ġejjin kemm mill-iskejjel tal-Istat kif ukoll mill-iskejjel Independenti u tal-Knisja.​​

“Bħala Gvern nemmnu li l-mutur wara l-edukazzjoni ta' uliedna huma l-edukaturi li l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom iwasslu għas-suċċess ta' wliedna. Għalhekk l-aqwa investiment li nistgħu u qegħdin nagħmlu f'pajjiżna huwa s-sostenn li qed jingħataw l-edukaturi. Bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet għall-ftehim settorjali ġdid li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jibni fuq il-ftehim ta' qabel," qal il-Ministru Grima.

Huwa tenna li l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fl-edukazzjoni ta' uliedna. Kompla li “Huwa d-dmir tagħna lkoll li ngħinu lil kull student biex inwassluh ħalli jemmen aktar fil-ħiliet tiegħu u jkompli jiżviluppa mezzi li bihom it-tagħlim ikun aktar effettiv. Il-warrant huwa xhieda li persuna tista' teżerċita l-professjoni ta' għalliem u jpoġġi responsabbiltà kbira fuq dawk li jirċievuh billi huma se jkunu fdati bl-edukazzjoni tal-aktar ħaġa għażiża li għandha s-soċjetà, uliedna."

Il-Ministru Grima qal li l-gvern qed iżomm il-wegħda li għamel li l-edukaturi u r-rappreżentanti tagħhom huma msieħba importanti u għalhekk flimkien qed ifasslu mill-qiegħ l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida li se twassalna sas-sena 2030. Dan qed isir għaliex il-Gvern jemmen li l-edukaturi għandu jkollhom rwol akbar ta' policy-makers u li jkunu integrati aħjar fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Ministru Clifton Grima rringrazzja lill-edukaturi tas-servizz impekkabbli li jagħtu kuljum. Kompla li l-okkażjoni tal-lum qed tagħti rikonoxximent mhux biss għall-preparazzjoni akkademika li għandhom l-edukaturi, imma għar-rwol importanti li huma għandhom fis-soċjetà.