gov.mt

pr230785

PR230785

25/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Is-Sur Clayton Xuereb se jkun maħtur bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija AWAS


Is-Sur Clayton Xuereb se jkun qed jinħatar bħala l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta' Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil. Il-ħatra tiegħu se tkun qed issir mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri.

 

Is-Sur Xuereb għandu esperjenzi passati fl-oqsma tal-immigrazzjoni, b'mod ewlieni fil-Kummissjoni għar-Refuġjati u kien responsabbli mill-assessjar tal-ażil. Hu ġej ukoll minn snin ta' esperjenza fi rwoli ta' tmexxija, primarjament fl-Università ta' Malta. Huwa wkoll ħadem fil-qasam tal-Kunsilli Lokali.

 

Clayton Xuereb hu gradwat b'Baċellerat u b'Masters fil-Kriminoloġija. Preżentament qed jaqra wkoll għal Dottorat mal-Università ta' Malta.

 

Il-Ministru Byron Camilleri awgura lil Clayton Xuereb il-ħidma t-tajba fil-kariga ġdida fdata lilu. Kompla li l-Aġenzija għandha tkompli tiġi msaħħa fuq il-pedamenti sodi li hemm u li jkun segwit l-iżvilupp kontinwu li hemm għaddej fl-oqsma tal-ħarsien tal-persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil f'pajjiżna.

 

Il-Ministru Camilleri temm bir-rikonoxximent tiegħu għall-ħidma li wettaq s-Sur Ray Theuma fil-ġimgħat li hu serva bħala Aġent Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, kif ukoll irringrazzja lis-Sur Mauro Farrugia għas-snin li hu ħadem bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-imsemmija Aġenzija.​