gov.mt

pr230121

PR230121

25/01/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET “Mind the Gap” – żewġ skemi biex in-negozji tagħna jkollhom iċ-ċibersigurtà neċessarja




“Jekk in-negozju tiegħek li jipprovdi xiri online u ma għandux l-infrastruttura taċ-ċibersigurtà neċessarja, qisek filgħaxija tlaqt mill-ħanut u ħallejtu miftuħ.” Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri waqt it-tnedija ta’ “Mind the Gap”.

“Mind the Gap” tinkludi żewġ skemi maħduma b’kollaborazzjoni bejn tliet entitajiet taħt il-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA), Tech.mt u l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA).

L-ewwel skema hija “Awtovalutazzjoni taċ-Ċibersigurtà” (“Cybersecurity Self-Assessment”) li se tkun immexxija mill-MDIA. In-negozji eliġibbli (dawk li jipprovdu servizzi ta’ kummerċ elettroniku (e-commerce)) jistgħu jaċċessaw l-iskema permezz tal-portal mindthegap.mdia.gov.mt. Wara r-reġistrazzjoni se jkun hemm awtovalutazzjoni (self-assessment), b’50 mistoqsija relatata maċ-ċibersigurtà. Il-mistoqsijiet huma mifruxa fuq 20 kategorija, minn Ġestjoni tal-Identità u tal-Aċċess (Identity and Access Management) għal Sigurtà tas-Software (Software Security), u kull mistoqsija se tingħata punteġġ minn 0 sa 5 – minn servizz li għandu numru ta’ limitazzjonijiet għal wieħed li huwa ottimizzat rispettivament. 

Wara li jsir dan l-assessjar u jkun rikonoxxut mill-MDIA, in-negozju jkun jista’ jgħaddi għat-tieni skema. L-Iskema għat-Titjib taċ-Ċibersigurtà (Cybersecurity Improvement Scheme) se tkun amministrata minn Tech.mt. L-iskema se tkopri ħlasijiet biex in-negozju jkabbar iċ-ċibersigurtà tiegħu, fosthom billi jinxtraw għodod teknoloġiċi neċessarji. Negozju jista’ japplika għal fondi sa massimu ta’ €10,000.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li dawn l-iskemi huma parti mill-pjan tal-gvern u tal-istrateġiji Malta Diġitali mħabbra f’Novembru li għadda. “Dan huwa wkoll konformi mal-pjan ta’ fondi Ewropej li ħabbarna nhar it-Tnejn mal-Kummissarju Elisa Ferreira, fejn qed tingħata importanza lid-diġitalizzazzjoni. Dan fil-fatt huwa ħolqa waħda minn katina ta’ proġetti li se jwassluna biex ikollna Malta Diġitali,” qal il-ministru.