gov.mt

pr230120

PR230120

25/01/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Project Green tniedi Community Greening Grant: €10 miljun biex il-komunitajiet iħaddru spazji miftuħa


 

Permezz ta' skema mħabbra mill-aġenzija Project Green, komunitajiet f'Malta u Għawdex se jingħataw l-opportunità li jħaddru spazji fil-lokalitajiet tagħhom, b'investiment totali ta' €10 miljun.

 

L-iskema “Community Greening Grant" ġiet varata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u l-Kap Eżekuttiv ta' Project Green, Steve Ellul.

 

Permezz ta' din l-iskema, kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi, skejjel u organizzazzjonijiet oħrajn se jingħataw għajnuna finanzjarja biex isebbħu l-komunitajiet tagħhom. Project Green se tkun qed tilqa' dawn l-applikazzjonijiet u tiggwida wkoll dawk il-proġetti li jkunu eliġibbli għall-Fondi Ewropej. Barra minn hekk, Project Green se toffri assistenza lil dawk li jkollhom bżonn għajnuna teknika, biex b'hekk tħeġġeġ aktar organizzazzjonijiet japplikaw.

 

Din l-iskema se tkun qed tinċentiva l-ħolqien ta' spazji ħodor ġodda, li jagħtu nifs ġdid lill-komunità u r-residenti li jgħixu fil-madwar. L-iskema tħeġġeġ l-identifikazzjoni ta' siti li maż-żmien sfaw mitluqa, jew li jistgħu jinfetħu għall-pubbliku. Din l-iskema se tkun qed tindirizza wkoll problemi relatati mal-immaniġġjar tal-ilma li jiffaċċjaw komunitajiet fl-ispazji pubbliċi tagħhom. Dan biex jaħżnu aktar ilma tax-xita għat-tisqija u t-tindif, filwaqt li jnaqqsu r-riskju ta' għargħar.

 

“Din hija waħda mill-akbar skemi ta' fondi għal proġetti ambjentali fil-komunità li qatt kellna f'pajjiżna. Qed nagħtu €10 miljuni direttament lill-komunitajiet tagħna biex iwettqu l-proġetti ambjentali li dejjem xtaqu li jkollhom fil-lokalitajiet tagħhom. L-iskema hija mmirata li tħeġġeġ l-innovazzjoni u l-kwalita; irridu li l-poplu jieħu lura l-akbar rate of return possibbli mill-fondi li ser ninvestu," spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-gvern kommess li permezz tal-fondi Ewropej, Project Green tkun tista' twettaq proġetti li jkomplu jsebbħu pajjiżna.

 

“L-ambjent huwa prijorità għalina u determinati li mill-programm il-ġdid ta' fondi Ewropej ninvestu dawn il-flus f'investimenti u proġetti biex insebbħu l-ambjent tagħna u noħolqu aktar spazji ħodor għat-tgawdija tal-familji tagħna," qal Chris Bonett.

 

Il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul spjega kif Project Green se tkun qegħda mhux biss tipprovdi sapport tekniku qabel u waqt l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti iżda permezz tal-Community Greening Grant se tkun qed tiffinanzja 90% tal-ispejjeż kollha ta' dawn il-proġetti.

 

“Konxji mill-komplikazzjonijiet u burokrazija żejda li jiffaċċjaw numru ta' applikanti għall-għotjiet bħal dawn. B'hekk ħejjejna linji gwida u kundizzjonijiet li huma ċari u sempliċi ħafna. Bil-fatti se nkunu qegħdin ninvestu flus in-nies fin-nies," qal is-Sur Ellul.

 

Bħala parti mill-applikazzjoni, se jintalab pjan ta' manutenzjoni li jkopri 10 snin, bil-għan li dawk li jibbenefikaw mill-iskema mhux biss jagħmlu l-proġett, imma jieħdu ħsieb il-manteniment taż-żona wkoll. Aktar informazzjoni tinkiseb minn: https://project.green.​