gov.mt

pr230118

PR230118

25/01/2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Investiment ta' kwalità fil-qalba tal-Gżira marbut mal-ospitalità


Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-lukanda Grands Suites Hotel fil-qalba tal-Gżira wara investiment massiċċ ta' €45 miljun.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministu Robert Abela kellu l-opportunità jiltaqa' mat-tmexxija tal-kumpanija u diversi ħaddiema li għażlu karriera fil-qasam tal-ospitalità. Dr Abela nnota wkoll il-fiduċja qawwija li għandu l-imprenditur Malti f'pajjiżna permezz tar-reżiljenza li kompla juri f'ċirkostanzi internazzjonali li ġabu magħhom sfidi kbar.

Dan il-kuntest ta' fiduċja f'pajjiżna kompla jiġi kkonfermat permezz ta' ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li wrew is-sens qawwi ta' ottimiżmu għaż-żmien li ġej. Fil-fatt, bejn Jannar u Novembru tal-2022 in-numri ta' turisti li żaru pajjiżna kien dak ta' madwar 2.2 miljun turist; qrib ħafna dak tal-2019 fejn kienet meqjusa bħala sena rekord fit-turiżmu.

Id-Direttur Maniġerjali tal-lukanda, is-Sur Marvin Spiteri, irreċiproka din l-istess fiduċja f'pajjiżna billi wera l-apprezzament tiegħu tal-appoġġ li rċieva kontinwament mill-awtoritajiet kollha kkonċernati biex dan il-proġett seta' jitlesta u jkun ta' suċċess.

“Kburin ħafna bit-tlestija ta' dan il-proġett b'investiment ta' €45 miljun. Issa ninsabu ħerqana li noffru prodott turistiku ta' kwalità f'pajjiżna lil kull min jagħżel li jżur il-ġmiel li għandu x'joffri pajjiżna", stqarr is-Sur Spiteri.

Il-ħsieb wara din il-lukanda mgħammra b'231 kamra kien li toffri ospitalità differenti bil-għan li t-turisti li jagħżlu din l-akkomodazzjoni jagħmlu użu mis-servizzi ta' kwalità li toffri Grands Suites Hotel. Kull kamra għandha l-faċilità ta' kċina u f'kull sular hemm is-servizz ta' ħasil bħallikieku r-resident qiegħed jgħix f'daru xorta waħda.

Preżenti matul iż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.​