gov.mt

pr230115

PR230115

24/01/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U L-INTRAPRIŻA, MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, FONDI EWROPEJ U ARTIJIET U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Il-Kummissarju Ewropew bi żjara fi proġetti li twettqu b’fondi Ewropej

Il-Kummissarju Ewropew Elisa Ferreira, waqt  iż-żjara li għamlet f'Malta ilbieraħ, żaret numru ta' proġetti li saru b'fondi Ewropej mill-programm 2014-2020.

 

Wieħed mill-proġetti li żaret il-Kummissarju Ewropew kien dak ta' Ta' Qali Crafts Village, li huwa attrazzjoni turistika li jippromwovi x-xogħol artiġjanat Malti. B'investiment ta' €13-il miljun, li minnhom €7.8 miljun huma fondi Ewropej, dan il-proġett reġa' ta l-ħajja lil din iż-żona u għen sabiex negozji jkomplu jikbru u jimpjegaw aktar impjiegi.

 

Il-Ministru Silvio Schembri qal li bl-għajnuna ta' fondi Ewropej fil-Crafts Village saru xogħlijiet infrastrutturali li sebħu u għamlu aktar aċċessibbli l-post, li llum huwa attrazzjoni turistika unika. Fil-ġimgħat li ġejjin fil-Crafts Village se jkun qed jinfetaħ Incubation Centre li se jservi ta' bażi minn fejn il-ħila tal-artiġjana Maltin tiġi mgħallma liż-żgħażagħ tagħna. Se jkun ukoll qed jinbena start-ups centre li se joffri spazju għall-inizjattivi u artiġjana ġodda, kif ukoll se jinbena ċentru għall-artiġjanat li qed jintilef biex ikomplu jħeġġu aktar interess fost iż-żgħażagħ tagħna lejn l-artiġjanat.

 

Il-Kummissarju Ewropew Ferreira żaret ukoll ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-mina ta' 9.5 kilometri li tgħaqqad flimkien l-impjant tar-Reverse Osmosis f'Pembroke mal-ġibjuni tal-ilma f'Ta' Qali. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma waslet fl-aħħar fażi ta' dan il-proġett hekk kif 94% ta' dan il-proġett issa huwa lest.

 

B'investiment ta' €36 miljun ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea dan il-proġett se jtejjeb id-distribuzzjoni tal-ilma minn dan l-impjant hekk kif b'pajpijiet akbar, ser tiżdied l-effiċjenza u jonqsu l-ispejjeż tal-ippumpjar minn pajpijiet iżgħar li jintużaw bħalissa. B'dan il-proġett il-Korporazzjoni se tkun tista' tħallat aħjar l-ilma ġġenerat mill-impjant ta' Pembroke mal-ilma tal-pjan, u hekk ittejjeb sinifikament il-kwalità tal-ilma li jasal għand il-klijenti fid-djar u binjiet oħra f'Malta.

 

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li “B'investiment ta' €36 miljun parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, il-Korporazzjoni qed taħdem biex toffri ilma tal-ogħla kwalità lill-klijenti tagħha, b'mod sostenibbli, mingħajr impatti negattivi fuq l-ambjent. Dan qed nagħmluh permezz ta' teknoloġija moderna u li ma tniġġisx, li żżid l-effiċjenza fl-operat u tnaqqas il-ħela. B'hekk inkomplu niżguraw servizz aħjar lill-familji u n-negozji f'pajjiżna."

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li ż-żjara tal-Kummissarju Ewropew Ferreira f'pajjiżna kompliet tibgħat messaġġ b'saħħtu tal-ħidma eċċellenti li hemm bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Malti. Is-Segretarju Parlamentari Bonett sostna li l-Kummissjoni Ewropea taf li l-Gvern Malti dejjem utilizza l-fondi Ewropej fl-aħjar interess għall-poplu Malti u Għawdxi.

​