gov.mt

pr221622

PR221622

24/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ “Se nibqgħu naħdmu mal-gvern ġdid Taljan għal relazzjoni aktar b’saħħitha” – Il-Ministru Ian Borg

“Il-laqgħa, wara biss ftit ġimgħat mill-ħatra ta' gvern ġdid Taljan, turi r-rieda taż-żewġ naħat li jkomplu jaħdmu iżjed flimkien bil-għan li titjieb ir-relazzjoni għall-ġid taż-żewġ popli", qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg wara laqgħa uffiċjali li kellu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja Antonio Tajani.

 

Il-Ministru Ian Borg qal li fuq nett tal-aġenda kien hemm is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari fil-baħar Mediterranju. Iż-żewġ partijiet irrimarkaw il-bżonn li jkomplu jkunu vuċi waħda fil-fora tal-Unjoni Ewropea fejn tidħol din il-materja.

 

Matul il-laqgħa kienet diskussa anke s-sitwazzjoni fil-Mediterran fid-dawl tal-laqgħa li se tkun qed issir aktar tard din il-ġimgħa fi Spanja u anke s-sitwazzjoni fit-Tramuntana tar-Reġjun tal-Afrika, partikularment fil-Libja. Fuq il-Libja kien hemm qbil dwar l-importanza li jkun hemm kollaborazzjoni b'saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi biex is-sitwazzjoni f'dan il-pajjiż terġa' titla' fuq nett tal-aġenda.

 

Fuq kollox, kienet diskussa wkoll ir-relazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Ministru Borg fakkar kif l-Italja kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi li stabbilixxa r-relazzjonijiet tiegħu ma' Malta wara l-Indipendenza u hemm bżonn li dawn jibqgħu jiġu msaħħa, primarjament dawk kummerċjali sabiex jinħoloq aktar negozju bejn iż-żewġ pajjiżi.

​​​