gov.mt

pr221621

PR221621

24/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Imħabbra r-rebbieħa ta’ Premju Servizz bi Tbissima 2022


L-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħabbret ir-rebbieħa tas-seba' edizzjoni ta' Premju Servizz bi Tbissima waqt ċerimonja ta' premjazzjoni l-Erbgħa filgħaxija.

 

Waqt iċ-ċerimonja ta' premjazzjoni, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li huwa ta' sodisfazzjoni li din is-sena l-kompetizzjoni kellha konkorrenza rekord ta' voti, aktar minn 18,000 vot, 10,000 vot aktar mis-sena li għaddiet. Kompliet tgħid li dan l-apprezzament għandu jixpruna l-kumpaniji kollha nominati sabiex ikomplu jtejbu s-servizz li qed jagħtu lill-konsumatur u biex jibqgħu jpoġġu lill-konsumatur fiċ-ċentru tal-operat tagħhom.

 

Fl-indirizz tagħha, ċ-Chairperson tal-MCCAA Helga Pizzuto tkellmet kif il-kompetizzjoni Premju Servizz bi Tbissima toħloq pożittività u tiffaċilita t-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa. Hija spjegat l-importanza tal-konċiljazzjoni meta jkun hemm xi tilwima bejn dawn iż-żewġ partijiet. Madankollu, meta ma jintlaħaqx ftehim amikevoli, il-konsumaturi jistgħu jfittxu rimedju permezz tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi li issa jista' jagħti sa €5,000 bħala kumpens. Il-konsumaturi lokali jistgħu jagħmlu użu wkoll minn proċedura ta' soluzzjoni barra l-qorti, magħrufa bħala ADR. Din il-proċedura ġiet imsaħħa riċentament mill-awtorità sabiex tinkoraġġixxi aktar konsumaturi u bejjiegħa jagħżlu dan il-proċess ta' medjazzjoni bħala mezz biex jissolva t-tilwim ta' bejniethom. Helga Pizzuto rringrazzjat lill-kumpaniji kollha nominati ta' kemm jikkollaboraw mal-awtorità u talli jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jipprovdu lill-konsumaturi bl-aħjar servizz possibbli.

 

Id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Grace Stivala, tkellmet dwar ir-regoli ġodda li daħlu fis-seħħ riċentament fil-liġi tal-konsumatur li jassiguraw li l-konsumaturi huma protetti indipendentament mit-tip ta' prodott jew servizz li jixtru u mill-metodu ta' xiri li jagħżlu. Hija tkellmet ukoll dwar l-importanza li l-bejjiegħa lokali jżommu lilhom infushom aġġornati dwar l-obbligi legali tagħhom u meta jkun hemm bżonn ifittxu l-għajnuna tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, speċjalment jekk ma jkunux jafu kif ser jittrattaw ċertu lmenti mingħand konsumaturi.

 

L-edizzjoni ta' din is-sena kienet magħmula minn ħames kategoriji u l-votazzjoni mill-pubbliku saret bejn il-21 ta' Ġunju u d-19 ta' Lulju 2022.

 

Ir-rebbieħa ta' kull kategorija kienu dawn :

 

Il-kategorija ta' Prodotti Elettroniċi u Affarijiet għad-Dar intrebħet minn SCAN 

It-tieni post: Triple A

It-tielet post: Top Choice

 

Il-kategorija ta' Bejjiegħa Lokali Onlajn intrebħet minn hairhaven.mt

It-tieni post: scanmalta.com

It-tielet post: mvintage.com

 

Il-kategorija Moda u Sbuħija ntrebħet minn Hair Haven

It-tieni post: Inglot

It-tielet post: MVintage

 

Il-kategorija Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Trasport intrebħet minn ROCS

It-tieni post: Sisu Travel

It-tielet post: Brittania Tours

 

Il-kategorija Supermarkets u Mini Markets intrebħet minn Maypole

It-tieni post:  Smart Supermarket

It-tielet post: Wellbee's Supermarket

 

Din is-sena ġew innominati 'l fuq minn 1,500 bejjiegħ u kumpaniji differenti fil-ħames kategoriji. L-aqwa ħamsa f'kull kategorija ġew ivverifikati mill-Bord ta' Servizz bi Tbissima sabiex jiġi aċċertat li l-voti li rċievew dawn il-kumpaniji kienu validi u skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-bord ikkonferma wkoll li l-kumpaniji u bejjiegħa nominati huma konformi mal-kodiċi ta' kondotta tal-premju. Il-kumpaniji li klassifikaw fl-ewwel post ta' kull kategorija ingħataw trofew, ċertifikat u d-dritt li jużaw il-logo ta' Servizz bi Tbissima fuq materjal promozzjonali.

​