gov.mt

pr221616

PR221616

23/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, FONDI EWROPEJ U ARTIJIET Malta Diġitali b’total ta’ ħames strateġiji biex pajjiżna jkun fuq quddiem nett tar-raba’ rivoluzzjoni industrijali

Il-Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet illum nieda ħames strateġiji li għandhom l-għan aħħari li jwassluna biex pajjiżna jkun fuq quddiem nett fir-raba' rivoluzzjoni industrijali li għaddejjin minnha.

 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri qal li filwaqt li fir-revoluzzjonijiet industrijali preċedenti dejjem kien hemm bżonn ta' riżorsa naturali, faħam, fuel, art biex jinbnew magni u impjanti kbar u għalhekk iċ-ċokon ta' pajjiżna kien ta' xkiel, f'din ir-raba' rivoluzzjoni, minħabba li l-enfasi hija fuq dinja teknoloġika, iċ-ċokon tagħna mhux xkiel u għaldaqstant nistgħu nirkbu fuq l-opportunitajiet li toffri din ir-rivoluzzjoni.

 

1.     Strateġija għall-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali

 

Din l-istrateġija fost oħrajn se tara li tespandi r-riċerka fuq teknoloġiji innovattivi biex tirrifletti l-bżonnijiet tas-soċjetà tal-lum; se tkun ta' appoġġ għall-inizjattivi tal-gvern fejn tidħol regolamentazzjoni u compliance bl-użu tat-teknoloġija innovattiva; se tidentifika r-riskji assoċjati mat-teknoloġiji innovattivi u tnaqqas l-impatt tagħhom fuq l-industrija.

 

2.     eCommerce – Strateġija tal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni

 

Din l-istrateġija se tara li jkollna qafas regolatorju effettiv fejn jidħol eCommerce għall-benefiċċju tan-negozji u tal-konsumaturi; li jkollna kampanja edukattiva dwar il-benefiċċji u r-riskji ta' xiri online u li jkollna żieda fin-negozji żgħar u medji lokali bi pjattaforma diġitali.

 

3.     eSkills Strategy

 

Din l-istrateġija hija maqsuma fuq erba' pilastri prinċipali: l-edukazzjoni, is-soċjetà, is-suq tax-xogħol u l-professjonisti fl-ICT. Bl-għanijiet ewlenin huma li bħala soċjetà jkollna aktar għarfien diġitali u li nkunu aktar kunfidenti u produttivi fl-użu tat-teknoloġija diġitali; li fl-amministrazzjoni pubblika naraw li titkompla t-trasformazzjoni diġitali u s-servizzi online f'konformita mal-istrateġija għas-servizz pubbliku. Din l-istrateġija tara li mill-qasam tal-intrapriża naraw li aktar negozji jaddottaw it-trasformazzjoni diġitali, biex b'hekk ikunu kompetittivi fid-dinja diġitali li qed ngħixu fiha, filwaqt li s-sistema edukattiva tevolvi aktar fuq kull livell biex b'hekk tkun tista' tlaħħaq mal-bżonn tal-lum u ta' għada fil-ħiliet diġitali u li jkollna aktar professjonisti fl-ICT fis-suq lokali.

 

4.     National Cyber Security Strategy

 

Din l-istrateġija nħadmet f'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u għandha l-għan li tara li l-infrastruttura diġitali ta' pajjiżna hija b'saħħitha u protetta. L-istrateġija tara li kemm mil-lat ta' negozji u mil-lat ekonomiku hemm is-sigurtà neċessarja dwar cyber security. Kif ukoll isaħħaħ il-koperazzjoni fuq cyber security fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali.

 

5.     Malta Diġitali

 

Din l-istrateġija tispjega kif Malta mistennija żżomm il-pass li qabdet billi tkun fuq quddiem nett f'din ir-raba' rivoluzzjoni industrijali. L-għanijiet ewlenin huma: li Malta tkompli ssaħħaħ l-ekonomija tagħha permezz tad-diġitalizzazzjoni; li tiġi aċċellerata r-riċerka diġitali u innovattiva u nagħmlu minn Malta l-post naturali għall-innovazzjoni; li titnaqqas il-pressjoni infrastrutturali, soċjali u ambjentali permezz tat-teknoloġija; li tkompli tingħeleb il-qasma diġitali filwaqt li jiġu assistiti partijiet mis-soċjetà. Malta Diġitali għandha wkoll l-għan li tkompli żżid it-talent u l-kompetenzi f'oqsma diġitali fir-riżorsa umana, li ttejjeb l-fiduċja, is-sigurtà u r-reżiljenza fis-servizzi diġitali u li tipprijoritizza l-investiment fl-infrastruttura diġitali

 

F'messaġġ li ntbagħat minn Roberto Viola, id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kommunikazzjoni, Networks, Kontenut u Telekomunikazzjoni (CONNECT), dan faħħar l-inizjattiva ta' Malta li għal snin li ġejjin inħoloq pjan għall-viżjoni diġitali li m'hiex biss għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin, iżda wkoll għan-negozji, għaċ-ċittadini Ewropej u għal kull min jżur pajjiżna.

 

Il-Ministru Silvio Schembri temm jgħid li dawn l-istrateġiji qed joħolqu l-viżjoni ta' Malta biex tkun ċentru ta' eċċellenza fejn jidħol id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġija innovattiva u li dan kollu jista' jsir billi numru ta' entitajiet jaħdmu flimkien għal għan wieħed.

 

​