gov.mt

pr221227

PR221227

22/09/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jmexxi laqgħa fi New York dwar ir-Reżistenza tal-Antimikrobji


Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne mexxa laqgħa tal-Global Leaders Group fi New York fejn diversi mexxejja u Ministri tas-Saħħa ltaqgħu fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda sabiex ifasslu t-triq 'il quddiem għall-ġlieda kontra l-isfida tar-Reżistenza għall-Antimikrobji (AMR).

 

“Huwa inkoraġġanti l-fatt li qed niddiskutu dan is-suġġett fuq livell globali, u li qed intellgħu l-AMR b'mod konsistenti fuq l-aġenda ta' diversi laqgħat prominenti, madanakollu dan l-entużjazmu għandu jiġi rifless fl-urġenza u l-impenn li bihom nattakkaw din l-isfida," appella l-Ministru Fearne lill-mexxejja preżenti.

 

L-AMR, li fl-2016 ġiet uffiċjalment rikonoxxuta bħala theddida globali permezz tad-dikjarazzjoni politika tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, tikkontribwixxi għal madwar ħames miljun mewt fis-sena, u tolqot l-iktar lill-pajjiżi bi dħul baxx u medju. Fil-fatt, il-mexxejja esprimew it-tħassib tagħhom, li jekk ma tittiħidx azzjoni preventiva serja u konġunta b'mod imminenti, jaf naslu f'punt fejn il-mediċini ma jkunux jistgħu jikkuraw l-infezzjonijiet fil-bnedmin, annimali u pjanti.

 

Il-Global Leaders Group (GLG), li jgħaqqad fih rappreżentanti tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tal-Ġnus Magħquda, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali u l-Programm tal-Ambjent tan-Ġnus Magħquda, u li jifforma parti minnu d-Deputat Prim Ministru, qiegħed jitlob li l-pajjiżi tal-G7 u G20 jieħdu azzjoni diretta kontra din il-kriżi. Fost oħrajn, il-GLG qed titlob lil dawn il-pajjiżi jallokaw fondi għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet t'azzjoni nazzjonali, għall-għajnuna lill-pajjiżi bi dħul baxx sabiex huma wkoll jimplimentaw il-pjanijiet t'azzjoni tagħhom u għar-riċerka u għall-iżvilupp ta' mediċini u vaċċini li jaħdmu minkejja r-reżistenza tal-antimikrobji.

 

Waqt l-istess laqgħa tkellmu wkoll il-Prim Ministru tal-Bangladesh, Sheikh Hasina, il-Prim Ministru tal-Barbados, Mia Amor Mottley u l-Prim Ministru tal-Bahamas, Philip Davis, fost għadd ta' ministri oħra.

​