gov.mt

pr221225

PR221225

22/09/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Kunsill għall-iGaming biex ikompli jissaħħaħ settur li jikkontribwixxi tant fl-ekonomija


Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri ħabbar li se jitwaqqaf Kunsill għall-iGaming, li se jservi bħala forum biex jipprovdi pariri lill-Gvern fuq politika li taffettwa lis-settur innovattiv tal-iGaming. Għan ieħor tal-kunsill huwa li jżomm kuntatt bejn il-Gvern u s-settur privat, f'qasam li joffri impjiegi ta' kwalità.

 

It-tħabbira tat-twaqqif tal-kunsill saret waqt li tfakkar l-għaxar anniversarju mill-ftuħ ta' kumpanija tal-gaming bl-isem ta' Leo Vegas, f'Malta. “Fi ftit snin pajjiżna kkonferma ruħu bħala ċentru ta' eċċellenza fejn tidħol l-industrija tal-iGaming u qed ikun parti integrali mis-suċċess ta' diversi kumpaniji rinomati f'dan il-qasam," saħaq il-Ministru Schembri.

 

Il-Ministru Schembri qal li pajjiżna ħadem fuq qafas legali biex illum Malta għandha ġurisdizzjoni serja li hija ta' spalla għal din l-industrija. Il-Ministru Schembri ħabbar ukoll li se jitwaqqaf Reputation Management Programme, li se jinkludi kampanja internazzjonali fuq is-settur tal-iGaming.

 

Il-Gvern għaddej ukoll b'ħidma biex jinħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda f'dan is-settur, fosthom il-video game developing u l-esports. Dwar l-esports il-Ministru Schembri qal li bħalissa qiegħed jittella' f'pajjiżna wieħed mill-akbar avvenimenti f'dan il-qasam, l-ESL Pro League. Dan apparti li kumpanija ewlenija fil-qasam tal-game developing, Keywords Studio, se tiftaħ bażi f'pajjiżna.

 

Il-Ministru Silvio Schembri rringrazzja lit-tmexxija ta' Leo Vegas li għamlet minn pajjiżna d-dar naturali tagħha. Huwa awguralhom għal futur, hekk kif din il-kumpanija se tkun qed tingħaqad ma' kumpanija oħra sinonima mal-casinos, MGM. Il-Kap Eżekuttiv ta' Leo Vegas, Gustaf Hagman, irringrazzja lill-Ministru Schembri u lill-awtoritajiet Maltin li fehmu l-importanza ta' dan is-settur u ħadmu biex dan is-settur jikber.

​