gov.mt

pr221223

PR221223

22/09/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela f’diversi laqgħat bilaterali fi New York


Matul is-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, il-Prim Ministru Robert Abela qed ikollu diversi laqgħat bilaterali mal-kapijiet tal-istat u tal-gvern bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet ma' pajjiżi differenti.

 

Jemen

 

F'laqgħa bilaterali mal-President tar-Repubblika tal-Jemen Rashad Mohamed Ali Al-Alimi, id-diskussjoni ffukat fuq ir-rwol ta' Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda s-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hija mpenjata li f'ħidma mal-pajjiżi kollha li jiffurmaw parti mill-kunsill biex tassigura r-rispett għar-regolamenti internazzjonali. Żied jgħid li Malta tappoġġja l-isforzi ta' paċi mmexxija min-Nazzjonijiet Magħquda fil-Jemen, u enfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-Jemen, jidħlu fi proċess inklużiv lejn il-paċi u l-istabbiltà.

 

Ekwador

 

F'laqgħa bilaterali bejn il-President tar-Repubblika tal-Ekwador Guillermo Lasso Mendoza u l-Prim Ministru Robert Abela, iż-żewġ pajjiżi qablu li se jkunu qed jaħdmu flimkien bħala membri eletti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023 u l-2024. Id-diskussjoni ffukat fuq il-prijoritajiet komuni, fosthom l-aġenda fuq il-paċi u s-sigurtà, is-sigurtà tal-klima, u li jinżammu bħala prijorità soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim. Il-prim ministru nnota ukoll ir-rabtiet kordjali bejn iż-żewġ pajjiżi u enfasizza li Malta hija miftuħa biex iżżid u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali.

 

Ghana

 

F'laqgħa li saret mal-President tal-Ghana Nana Addo Dankwa Akufo-Addo ġew enfasizzati r-rabtiet b'saħħithom bejn Malta u l-Ghana, partikolarment f'oqsma bħall-kummerċ u t-turiżmu. Ġiet indirizzata ukoll il-possibbiltà għal titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jħares 'il quddiem għal kollaborazzjoni kontinwa kemm bilateralment kif ukoll multilateralment.​