gov.mt

pr220114

PR220114

27/01/2022

STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Fi żmien ta’ pandemija, irnexxielna nsaħħu d-djalogu soċjali f’pajjiżna” – Il-Ministru Carmelo Abela


Fl-ewwel laqgħa tas-sena 2022, l-imsieħba soċjali ġew ippreżentanti  bi programm ta' ħidma li l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) għandu għal din is-sena.

 

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, responsabbli mid-djalogu soċjali f'pajjiżna, irrikonoxxa l-ħidma importanti li twettqet matul is-sena 2021 mill-MCESD. Il-ministru saħaq li, “Ix-xogħol tal-MCESD huwa li nippreparaw ruħna għal għada u mhux biss li nitkellmu fuq sfidi li jinqalgħu bħalma kienet l-isfida tal-pandemija". Il-ministru qal li matul din is-sena rridu nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li diġà għamilna, filwaqt li niddiskutu u naffaċċjaw sfidi ġodda.

 

Il-Ministru Carmelo Abela rrimarka li, “minkejja l-effetti negattivi li l-pandemija ħalliet f'pajjiżna, kif ukoll f'pajjiżi oħra, irnexxielna nsaħħu d-djalogu soċjali f'pajjiżna." Għal dan il-għan, il-ministru rrefera għall-pakketti finanzjarji li ġew maqbula fi ħdan l-MCESD kif ukoll il-miżuri li ġew diskussi biex jiġu salvati eluf ta' negozji u impjiegi.

 

L-MCESD issaħħaħ matul is-sena 2021. Dan sar ukoll permezz tal-aċċess dirett li ngħata lill-isħab soċjali biex ikollhom esperti fil-qasam partikolari tar-riċerka li jkunu qed iwettqu, fil-gruppi ta' ħidma li ġew imfassla biex jiġu diskussi temi importanti għal pajjiżna.

 

Il-ministru aċċena li, “Dan il-forum u d-diskussjoni ma tissaħħaħx darba, iżda dan huwa proċess kontinwu." Għalhekk, matul din is-sena se jkollna numru ta' gruppi ta' ħidma, li permezz tagħhom ikomplu jiġu diskussi suġġetti importanti għal pajjiżna.

 

Il-Ministru Abela enfasizza li matul din is-sena se jiġi studjat l-impatt li l-inflazzjoni jkollha fuq in-nies vulnerabbli, kif anke tħabbar fil-baġit għal din is-sena, u l-mod ta' kif naħdmu flimkien ma' forom ġodda ta' impjieg, fosthom ir-remote working. Huwa qal ukoll li hemm fora oħra, bħall-Employment Relations Board u l-Low Wage Commission li permezz tagħhom se jkun hemm diskussjonijiet oħra skont ir-remit li dawn għandhom.

 

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-ministru tkellem dwar kif permezz tal-ħidma flimkien, inkomplu nsaħħu d-djalogu soċjali f'pajjiżna li jikkontribwixxi għal futur sostenibbli u jippreparana għall-ġejjieni b'mod serju u strutturat.

 

Iċ-Chairperson tal-MCESD James Pearsall qal li, “għandna sfidi b'saħħithom quddiemna, filwaqt li għandna dejjem nibqgħu nagħtu importanza lis-suġġetti ta' prijorità għal pajjiżna."

 ​