gov.mt

pr220112

PR220112

27/01/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT: Il-President jirċievi kredenzjali diplomatiċi minn kapijiet tal-missjoni ġodda

​​

​Tliet kapijiet tal-missjoni diplomatika ġodda ppreżentaw il-kredenzjali diplomatiċi tagħhom lill-President ta’ Malta, Dr George Vella, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

L-Ambaxxatur tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu Khaled Mohamed Sameh Anis kien l-ewwel wieħed li ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella. 

Il-President Vella għamel riferiment għar-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Eġittu u l-interessi reġjonali u internazzjonali konverġenti. Malta tqis li l-Eġittu għandu rwol reġjonali kruċjali, b’mod partikolari fir-rigward tan-Nofsinhar tal-Mediterran tal-UE, il-Lvant Nofsani u d-dinja Għarbija b’mod iktar wiesa’. Il-President Vella u l-Ambaxxatur Anis iddiskutew ukoll kwistjonijiet ta’ importanza reċiproka għaż-żewġ pajjiżi, b’mod partikolari l-istabbiltà fil-Lvant Nofsani, l-aħħar żviluppi fil-Libja, u l-migrazzjoni.

Imbagħad ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha l-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Ellenika Tasia Athanasiou. Il-President Vella u l-Ambaxxatriċi Athanasiou ddiskutew il-pożizzjoni taż-żewġ pajjiżi fuq dossiers importanti tal-UE bħall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza. B’mod partikolari dwar il-migrazzjoni, iż-żewġ pajjiżi għadhom jitolbu solidarjetà tanġibbli u evidenti minn sħab oħra. 

It-tielet wieħed li ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu kien José María Muriel Palomino, l-Ambaxxatur tar-Renju ta’ Spanja. Il-President Vella u l-ambaxxatur qablu li ż-żewġ pajjiżi għandhom aġenda sostanzjali komuni tal-UE bbażata fuq il-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE, kif ukoll interessi reġjonali konverġenti fil-Mediterran. Dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni, il-President Vella osserva li Malta għadha mħassba bil-pressjoni tal-migrazzjoni mir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, biż-żieda sinifikanti fl-iżbarki fl-2020 u fl-2021.

Matul ikla ta’ nofsinhar mal-kapijiet tal-missjoni l-ġodda, il-President ta’ Malta ħeġġiġhom ilkoll ikomplu d-djalogu fuq diversi livelli u jiżguraw li l-ħtiġijiet tar-reġjun tagħna jiġu diskussi u jingħataw l-attenzjoni mistħoqqa fl-aġenda globali.