gov.mt

pr220111

PR220111

27/01/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Sorting line ġdida fil-WasteServ se tkun qed tipproċessa madwar 8,000 tunnellata ta' ħġieġ fis-sena



Sorting line ġdida li twaqqfet ġewwa l-faċilità tal-WasteServ f'Marsaskala biex tagħżel il-ħġieġ se tkun qed tirkupra madwar 45 miljun flixkun tal-ħġieġ fis-sena.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li qal li din il-linja ġdida se tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tar-riċiklaġġ ta' Malta u se tkun qed tgħin biex jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ.

Il-Ministru Farrugia spjega li l-maġġoranza tat-tagħmir użat għal din il-linja l-ġdida kien se jgħaddi għad-dekummissjonar. Madankollu, it-tim tal-manutenzjoni fi ħdan WasteServ irnexxielu b'suċċess idawwar dan it-tagħmir f'linja ġdida.

Minbarra li se tirriżulta f'materjal ta' kwalità aħjar, din il-linja l-ġdida se tkun qed ittejjeb ukoll l-effiċjenza operattiva. Il-proċess li kien jintuża qabel kien jinvolvi l-użu ta' għodda biex jintgħa​żel il-ħġieġ, madankollu b'din il-linja ġdida, il-ħġieġ se jkun qed jiġi ttrasferit fuq 'conveyor belt' biex jiġi magħżul manwalment billi jitneħħew kwalunkwe kontaminanti bħal għotjien u tappijiet tal-metall. 

Din il-linja se tkun ukoll qed tagħti l-flessibilità biex jiġi sseparat il-ħġieġ abjad min dak tal-kulur biex b'hekk jiżdied b'mod sostanzjali l-potenzjal tal-użu mill-ġdid u l-valur tal-prodotti riċiklati.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Farrugia kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta' WasteServ Richard Bilocca li qal li dan l-investiment kien possibbli wara l-kampanja li saret is-sena li għaddiet biex il-ħġieġ jasal nadif. Fil-fatt, 99% tal-ħġieġ li qed jasal issa huwa ħġieġ nadif. ​

Is-Sur Bilocca ħabbar ukoll li se titnieda kampanja ta' informazzjoni fuq skala kbira fuq il-borża l-griża/il-ħadra fiż-żmien li ġej.