gov.mt

pr220042

PR220042

14/01/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Titwaqqaf il-Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli


Il-gvern u l-Arċidjoċesi ta' Malta ffirmaw ftehim li ssiġġilla t-twaqqif tal-ewwel Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli f'Malta, u li permezz tiegħu, il-gvern u l-Knisja se jaħdmu flimkien biex jinħoloq saff ta' akkomodazzjoni ieħor, inizjalment ta' kiri, b'rati inqas minn tas-suq, miftuħ għal nies bi dħul baxx sa medju. 

 

Il-ftehim, ippresedut mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna, ġie ffirmat mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta' Malta, Michael Pace Ross, u minn Grazio Barbara, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. 

 

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li, “Dan hu l-iktar gvern li ħadem biex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. B'dak li għamilna poġġejna l-bażi li għalkemm bdejna naqtgħu l-frott tagħha, l-ikbar riżultati għad irridu narawhom fiż-żmien li ġej. Bil-prinċipju jkun li f'dan il-pajjiż irridu li kulħadd ikollu l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu u jibdel il-ħolm tiegħu f'realtà. U dar komda fejn wieħed jgħix hija aspirazzjoni ta' kull familja."

 

L-iskemi għall-first-time buyers, ir-riforma fis-suq tal-kera, l-iskemi equity sharing, new hope u l-loans soċjali, l-għajnuna fuq id-depożitu ta' għaxra fil-mija flimkien mal-ikbar proġett ta' akkomodazzjoni soċjali, huma l-eżempji li l-prim ministru elenka bħala dawk li flimkien mat-twaqqif ta' din il-fondazzjoni qed jagħqdu l-kwadru ta' sistema robusta ta' housing f'pajjiżna.

 

“Illum għandna l-ikbar numru ta' persuni sidien ta' djarhom u l-inqas numru ta' persuni jistennew akkomodazzjoni soċjali, riżultati li lħaqniehom waqt pandemija. L-akkomodazzjoni affordabbli kienet il-ħolqa li jmiss biex issa għandna sistema sħiħa li toffri għażliet differenti imma kollha adekwati għal nies bi dħul differenti."

 

Il-prim ministru esprima sodisfazzjon li din il-fondazzjoni qed titwaqqaf bi sħubija mal-Knisja. “Kif tgħallimna f'din il-pandemija, flimkien nistgħu niksbu ħafna aktar milli waħidna. Dan se jibqa' l-istil li bih jaħdem il-gvern li mmexxi jien. Nisimgħu mingħand kull min għandu sehem x'jagħti u nieħdu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex inġibu bidla pożittiva f'ħajjet in-nies."

 

It-tmexxija tal-fondazzjoni se tkun fdata f'idejn il-Kunsill tal-Amministraturi kompost minn sitt membri, bi tliet membri jkunu maħtura mill-gvern u tlieta maħtura mill-Arċidjoċesi ta' Malta. L-ewwel chairperson tal-Kunsill tal-Amministraturi se jkun maħtur min-naħa tal-gvern minn fost it-tliet membri maħtura minnu, bl-irwol jalterna kull sentejn bejn il-fundaturi.

 

Kif tħabbar fil-budget għas-sena 2022, il-gvern ikkommetta €300,000 fis-sena għall-ewwel 25 sena lill-fondazzjoni biex tiffaċilita l-operat tagħha, filwaqt li l-Arċidjoċesi se tgħaddi lill-fondazzjoni l-Kunvent ta' Santa Giovanna t'Ark li jinsab fiċ-ċentru ta' Ħal Kirkop, b'ċens temporanju ta' 25 sena. Din il-proprjetà tal-Knisja, li ma kinitx qed tintuża u li huwa stmat li tiswa mal-miljun ewro, se tospita l-ewwel inizjattiva ta' akkomodazzjoni affordabbli mmexxija minn din il-fondazzjoni. L-għan fit-tul tal-fondazzjoni hu li tipprovdi akkomodazzjoni affordabbli ta' kwalità u li tkun ekonomikament, ambjentalment u soċjalment sostenibbli.  

 

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li l-għan ta' din il-fondazzjoni huwa nobbli għax il-fondazzjoni se tieħu ħsieb persuni li għalkemm mhumiex fuq il-benefiċċji soċjali, xorta waħda qed isibuha diffiċli biex ikollhom post fejn jgħixu minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħhom.

 

Il-Mons. Arċisqof qal, “Li kulħadd ikollu d-dar tiegħu huwa wkoll kontribut għad-dinjità tal-bniedem. Li tipprovdi u tiffaċilita li persuna jkollha l-ambjent privat tagħha, tkun qed tikkontribwixxi wkoll għall-paċi soċjali. B'din il-ħidma flimkien, l-Istat u l-Knisja qed iwieġbu għal fenomenu importanti: dik li għandna parti mis-soċjetà li ma tistax tlaħħaq mas-suq u mal-prezzijiet li qed jitlob is-suq tal-proprjetà".

 

Qal ukoll li dan huwa eżempju konkret ieħor ta' kif proprjetà tal-Knisja li ma kinitx qed tintuża qed titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' persuni fil-bżonn biex id-dinjità tal-bniedem tiġi dejjem rispettata u fakkar fil-kontribut kontinwu tal-Knisja li tagħmel disponibbli proprjetajiet tagħha għal għanijiet soċjali.

 

Il-Ministru Roderick Galdes iddeskriva l-Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli bħala legat soċjali li f'qasir żmien se jibda jifdi bżonnijiet u se jibqa' jħalli l-impatt b'saħħtu tiegħu ma' kull ġurnata li tgħaddi mil-lum 'il hemm. Il-ministru qal li billi tforni akkomodazzjoni adekwata u affordabbli, din il-fondazzjoni se tibqa' tifdi l-bżonnijiet ġodda ta' soċjetà li qed tinbidel.

 

Il-Ministru Galdes sostna li wara r-regolazzjoni tas-suq tal-kera, id-diversi inizjattivi li tnedew biex għenu persuni bi dħul baxx u medju jilħqu r-rati tas-suq, kien jonqos ħolqa importanti fis-sistema ta' housing li qed tiġi mwettqa, li hija parteċipant ieħor fis-suq tal-proprjetà. Dan il-parteċipant se jkun il-Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli li qed iġib flimkien żewġ imsieħba li flimkien jaqsmu l-impenn soċjali u r-rieda li s-soċjetà Maltija tkun imsejsa fuq l-ugwaljanza u l-ġustizzja.​