Għall-ewwel darba, il-belt kapitali ta' Malta għandha klinika fil-komunità li min-nhar it-Tnejn se tibda toffri servizzi ta' kura primarja lir-residenti.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-berġa d-Deputat Prim Minsitru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fisser kif din il-klinika se toffri servizzi ta' klinika tat-tabib tal-familja, klinika tal-infermiera, podjatrija, patoloġija tal-lingwa mitkellma, u teħid ta' demm. Id-Deputat Prim Ministru Fearne fakkar li l-impenn tal-Gvern sabiex jinfetħu bereġ ġodda u jiġu rinovati dawk eżistenti f'kull lokalità għaddej b' rittmu mgħaġġel, tant li fl-aħħar sentejn diġà tlestew erbatax-il klinika filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq ħames lokalitajiet oħra.
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-Kunsill tal-Belt Valletta u lis-Sindku Alfred Zammit talli kienet offruta l-binja tal-kunsill għal dan il-proġett u lill-ħaddiema tal-kura primarja għax-xogħlijiet li saru.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li investiment bħal dan jeħtieġ il-fondi, iżda m'għandux ikun it-taxpayer Malti li jġorr il-piż. “L-NDSF huwa l-fond li qed jagħmel dan il-proġett possibbli minn aspett finanzjarju", spjega s-Segretarju Parlamentari Muscat. Qal li l-berġa tal-Belt hija parti minn kullana ta' bereġ li ngħataw ħajja ġdida jew ġew inawgurati, b'investiment ta' €10 miljun.
Rilaxx ta' iżjed miżuri restrittivi
Id-Deputat Prim Ministru sostna li minkejja li l-Awtoritajiet għas-Saħħa qegħdin jistennew żieda fil-każijiet tal-COVID-19 wara l-ftuħ tal-iskejjel u minħabba l-istaġun tal-influenza, il-fatt li 92% tal-poplu eliġibbli għall-vaċċin huwa mlaqqam ifisser li jistgħu jiġu rilaxxati iżjed miżuri restrittivi.
Huwa ħabbar li se jkunu ppubblikati protokolli inqas ristretti għar-ristoranti, bars, u każini li jagħżlu li jservu biss persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Tfal ta' taħt it-12-il sena jistgħu jidħlu f'dawn l-istabbilimenti mingħajr il-bżonn ta' PCR test, kemm il-darba jkunu akkumpanjati minn ġenituri mlaqqma. Dawn il-protokolli, li jidħlu fis-seħħ mid-9 ta' Ottubru, se:
- Jippermettu li d-distanza bejn l-imwejjed tkun ta' 1.5m ġewwa u ta' 1m barra;
- Jżidu l-ammont ta' persuni mal-istess mejda għal 8 persuni;
- Jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ sa 3am (fejn tippermetti l-liċenzja);
- Joperaw b' “controlled bar service".
L-istabbilimenti se jkunu mitluba japplikaw għal permess mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu darba biss.
Id-Deputat Prim Ministru sostna li dawn il-protokolli kienu mfassla wara diskussjonijiet mal-imsieħba ewlenin fis-settur, l-MHRA, il-Malta Chamber of SMEs u l-ACE. “Jekk is-sitwazzjoni f'Mater Dei tibqa' taħt kontroll, ikun possibbli li nestendu dawn il-protokolli għal stabbilimenti oħra u għat-tiġijiet b'mistiedna mlaqqma fil-ġimgħat li ġejjin", spjega d-Deputat Prim Ministru.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li peress li iżjed minn 70% tal-adulti Ewropej issa huma mlaqqma, mill-1 t' Ottubru 2021 Malta se tibda taċċetta ċertifikati tal-vaċċin Ewropej b' doża waħda biss meta l-persuna tkun rikoverata mill-COVID-19, dan fid-dawl li pajjiżi bħall-Ġermanja mhumiex joffru t-tieni tilqima lil dawn il-persuni. Filwaqt li ħabbar ukoll li Malta se tibda tirrikonoxxi ċ-ċertifikati tal-vaċċin tal-Malasja, l-Għarabja Sawdita, u l-iRwanda.
Dwar l-obbligu tal-użu tal-maskri fil-klassijiet, id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega kif rapporti riċenti tac-CDC wrew biċ-ċar li fi skejjel fejn l-użu tal-maskri ma kienx infurzat instabu iżjed mid-doppju tal-każijiet tal-COVID-19 minn skejjel li użaw il-maskri. “L-obbligu tagħna huwa li nkomplu nipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi, b'mod partikolari lit-tfal li għadhom m'humiex imlaqqmin."
Hawn ukoll stqarr li jekk il-każijiet jibqgħu kkontrollati, din il-miżura tista' tiġi riveduta fiż-żmien li ġej.
Mill-25 t'Ottubru jibda t-tilqim tal-influenza
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mill-25 t' Ottubru sal-11 ta' Novembru se tibda tingħata t-tilqima tal-influenza fil-kliniċi fil-komunità lill-persuni ta' 'l fuq minn 55 sena, persuni li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tas-saħħa u persuni b' mard kroniku. Huwa spjega li tul dan il-perjodu, fi tmiem il-ġimgħa, it-tilqim se jkun iffokat fuq it-tfal ta' bejn is-6 xhur u 12-il sena, fejn dawk bejn 6 xhur u sentejn jieħdu tilqima, filwaqt li dawk bejn is-sentejn u tnax-il sena jingħataw ispray.
Huwa enfasizza li din hija l-ewwel sena li l-pajjiż se jkun għaddej minn żewġ kampanji ta' tilqim fl-istess żmien, dik tal-booster u tal-influenza, u għalhekk appella lill-pubbliku sabiex isegwi l-avviżi tal-Awtoritajiet għas-Saħħa dwar il-postijiet tat-tilqim sabiex tkun evitata l-konfużjoni.