gov.mt

pr211678

PR211678

15/09/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU: De La Rue tagħżel lil pajjiżna biex tiżviluppa l-ikbar impjant tagħha u toħloq 100 karriera ġdida


​Investiment multi-miljunarju minn De La Rue se jwassal biex Malta tospita l-ikbar impjant li għandha din il-kumpanija internazzjonali fil-portafoll tagħha.

Il-Prim Ministru Robert Abela ppreseda fuq din it-tħabbira li se tissarraf f’opportunitajiet ta’ xogħol u karrieri ġodda filwaqt li twitti t-triq għal manifattura aktar sostenibbli.

L-impjant ġdid ta’ De La Rue f’Malta se jkun qed jokkupa 29,000 metru kwadru u jservi bħala ċentru ta’ eċċellenza fl-istampar tal-flus u servizzi oħra ta’ sigurtà. Dan l-investiment tal-ogħla livell inbidel minn idea fuq il-karta għal proġett tanġibbli permezz tal-għajnuna mill-entità Malta Enterprise.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett ġdid jirrapreżenta r-rieda tal-Gvern Malti li jaħdem għat-tkabbir ekonomiku u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja.

“L-impenn imsaħħaħ ta’ De La Rue lejn Malta tfisser ħafna. Din il-fiduċja ġdida li qed turi l-kumpanija internazzjonali tagħti kuraġġ u ottimiżmu lil din l-amministrazzjoni biex tkompli tmexxi lil pajjiżna ‘l quddiem fix-xhur u s-snin li ġejjin”. 

Dr Abela fakkar kif l-ewwel laqgħa tiegħu ma’ De La Rue dwar dan l-investiment seħħet ftit iktar minn sena ilu fejn kien mill-ewwel evidenti li ż-żewġ naħat għandhom l-istess aspirazzjoni u viżjoni għal Malta. Kien għalhekk li f’temp pjuttost qasir intlaħaq qbil u x-xogħol fuq dan il-proġett se jibda b’mod imminenti.

Il-Prim Ministru sostna li, minkejja li f’pajjiżna kien hawn min bassar li s-settur tal-manifattura kien se jispiċċa, dan il-gvern emmen li dan il-qasam se joffri futur sabiħ.

U fil-fatt hekk qed jiġri. Anke f’sena ta’ pandemija, meta previżjonijiet kienu juru 50,000 persuna fuq il-lista tal-qgħad, din l-amministrazzjoni offriet lill-investituri pakkett ta’ għajnuna b’saħħtu, minflok politika ta’ awsterità. 

Dawn id-deċiżjonijiet ħallew il-frott tagħhom u llum Malta għandha l-inqas livell ta’ qgħad fl-istorja, u fil-qasam tal-manifattura pajjiżna diġà laħaq valur miżjud ogħla mis-sena ta’ qabel ma faqqgħet il-pandemija. 

“Meta nitkellmu mal-investituri, naraw persuni ta' integrità. Naraw persuni li jum wara jum jistinkaw biex joħolqu s-suċċess għan-nazzjon tagħna. Naraw persuni li jum wara jum jaħdmu biex itejbu l-ambjent tal-impjegati tagħhom”, stqarr il-Prim Ministru. 

Dr Abela qal li kumpanija internazzjonali bħal De La Rue hija eżempju perfett ta’ dan. 

“Din il-kumpanija hija eżempju ċar ta’ suċċess. Mudell eżemplari f’settur lokali li dejjem isib modi u mezzi biex jirkupra u jikber. Organizzazzjoni b’operazzjonijiet sostenibbli, li tuża tagħmir effiċjenti fl-enerġija u materjal li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent”, qal il-prim ministru. 

Fuq kollox, dan l-investiment se jkun qed joħloq 100 post tax-xogħol ġdid. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru saħaq li l-ħaddiema huma meqjusa bħala l-aqwa riżors li għandu pajjiżna. 

“Attwalment, dan il-proġett ta’ espansjoni se jkun qed jingaġġa 100 ruħ tal-aqwa talent li jsibu ambjent tal-ogħla kwalità f’industrija 4.0 li tippromwovi teknoloġija intelliġenti moderna.”

Bi preparazzjoni għall-Baġit 2022, il-Prim Ministru nnota kif dan il-gvern se jkompli jipprovdi l-qafas ekonomiku u finanzjarju neċessarju biex isostni u jsaħħaħ l-interess li jkollhom investituri f’pajjiżna. 

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ De La Rue, Clive Vacher, qal li l-kumpanija bdiet timmanifattura f’Malta fl-1975 u jinsab kburi ħafna bil-ħaddiema ta’ kwalità li ħadmu tul is-snin. 

“De La Rue Malta għandha rekord qawwi u b’saħħtu ħafna fil-qasam tal-investiment, il-kontinwità tan-negozju u l-konsistenza li permezz tagħha tilħaq il-miri kollha ppjanati. It-tmexxija tal-kumpanija tkompli tkun onorata bl-impenn tal-Gvern Malti u r-riżors uman mill-aqwa li joffri dan il-pajjiż. Inkomplu nħarsu ‘l quddiem għal kooperazzjoni kontinwa fit-tul”, temm jgħid is-Sur Vacher. 

Filwaqt li fil-qasam tal-istampar tal-flus se tkun qed tinħoloq l-akbar faċilità li qatt rat il-kumpanija, fil-qasam tal-awtentikazzjoni, De La Rue se tkun qed tirdoppja l-operat tagħha għal bolol tat-taxxi u ditti tal-protezzjoni tal-marka.

Illum, De La Rue Malta tesporta lejn 85 pajjiż madwar id-dinja u tiġġenera €30 miljun għall-ekonomija lokali kull sena.

Preżenti għat-tħabbir tal-investiment kien hemm il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, kif ukoll rappreżentanti tal-Malta Enterprise u l-INDIS.