gov.mt

pr211672

PR211672

14/09/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-KWALITÀ TAL-ĦAJJA Residenza ġdida f’Ħal Kirkop għal persuni b’diżabilità

B'investiment ta' €1.3 miljun il-gvern se jkun qed jibni f'Ħal Kirkop residenza ġdida għal persuni  b'diżabilità. Ir-residenza se tkun tista' tilqa' fiha tmien residenti u se tkun it-tieni waħda tax-xorta tagħha fl-istess lokalità. Dik preżenti jgħixu fiha tliet residenti.

 

Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli waqt żjara li għamlet fuq is-sit fejn se tkun qed tinbena din ir-residenza. Ir-residenza se tkun qed titmexxa mill-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja bħala parti mill-proġett Soċjetà Ġusta.

 

Il-permessi għall-bini ta' din ir-residenza ħarġu u bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-abbozzar għas-sejħa tal-offerti. Huwa proġettat li r-residenza tkun lesta sa tmiem is-sena 2024. Huwa proġettat ukoll li jinfetħu żewġ residenzi simili oħrajn, waħda fil-Qrendi u l-oħra fiż-Żurrieq.

 

Ir-residenza l-ġdida se tkun il-11-il waħda tax-xorta tagħha taħt it-tmexxija tal-Aġenzija Sapport. Ir-residenzi l-oħrajn jinsabu fl-Imtarfa, Bormla, is-Siġġiewi, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, Fgura, Ħaż-Żabbar, Marsa, Pembroke u waħda fir-Rabat, Għawdex. Komplessivament, f'dawn id-djar hemm jgħixu madwar 70 resident.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “L-esperjenzi inkoraġġanti miksubin mir-residenzi li tmexxi l-Aġenzija Sapport kif ukoll minn dawk immexxijin minn fondazzjonijiet non-governattivi juru t-twettiq fil-prattika tal-prinċipju tal-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità fil-komunità flimkien ma' kwalità ta' ħajja tajba. Il-gvern jemmen bis-sħiħ fl-inklużjoni u li l-persuna ma tinqatax mill-qalba tal-komunità. Huwa b'konformità ma' dan li l-gvern qed ikompli jinvesti fi djar żgħar fil-komunità."

 

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li, “Qegħdin nagħmlu dan kollu biex inkomplu nimlew lil persuni b'diżabilità bil-kuraġġ li jistgħu jkomplu jgħixu ħajjithom b'mod indipendenti u normali u fejn ikun hemm id-diffikultajiet isibu l-għajnuna tal-gvern."

 

Kull residenza għandha numru ta' impjegati full-time u oħrajn part-time biex ir-residenti jkunu provduti bis-servizzi kollha meħtieġa, inkluż dawk ta' saħħa. Ir-residenti, fuq bażi individwali, jibqgħu jkunu segwiti minn tim ta' professjonisti biex ikun żgurat li kull persuna tilħaq il-miri skont il-pjan individwali tagħha.

 

Ruth Rose Sciberras, il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Sapport, enfasizzat li grazzi għal dawn ir-residenzi, persuni b'diżabilità li għal xi raġuni mhux possibbli għalihom li jibqgħu jgħixu fl-ambjent tal-familja tagħhom, bi ftit appoġġ jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità. Tenniet li l-impenn tal-aġenzija ma jieqafx mal-iżvilupp tad-dar, iżda li timxi wkoll pass pass mal-persuna, mill-punt ta' riferiment lejn is-servizz, assessjar minn diversi professjonisti, tħejjija ta' pjan ħolistiku skont il-bżonnijiet tal-persuna, perjodu ta' tranżizzjoni, kif ukoll moniteraġġ waqt il-provediment tas-servizz u reviżjoni tal-pjan individwali tal-persuna skont il-bżonn ladarba din tkun qed tgħix fid-dar. Dan waqt li l-aġenzija tibqa' tinvolvi lill-familja f'kull stadju tas-servizz sabiex tagħti s-sostenn neċessarju u jittieħdu deċiżjonijiet flimkien.​​