gov.mt

pr212117

PR212117

25/11/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL

Fl-2020: 2,200 persuna jitolbu għajnuna lill-FSWS b'rabta ma' vjolenza domestika

 

Il-25 ta' Novembru jimmarka l-bidu tas-'16 Days of Activism against Gender-based Violence' – 16-il jum li matulhom isiru numru ta' attivitajiet marbuta mal-prevenzjoni u l-għarfien dwar il-vjolenza domestika flimkien mal-appell komuni madwar id-dinja biex persuna li tkun qed tgħix din ir-realtà tfittex l-għajnuna.

 

F'konferenza li ġiet organizzata dwar is-suġġett ġie spjegat li matul is-sena li għaddiet, 2,220 persuna talbu l-għajnuna mill- Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) b'rabta ma' każijiet ta' vjolenza domestika. Matul din is-sena, sal-aħħar ta' Ġunju, kienu diġà fittxew l-għajnuna 1,889 persuna. Dan ifisser li aktar persuni qed jilqgħu l-appelli biex jagħmlu użu mis-servizzi disponibbli ta' għajnuna.

 

Matul is-sena li għaddiet fittxew l-għajnuna wkoll 107 aggressuri, li rrealizzaw li għandhom problema – numru li sa Ġunju 2021 żdied għal 123.

 

Fl-indirizz tagħha, il-mara tal-Prim Ministru Dr Lydia Abela fakkret li bħalissa hemm persuni f'darhom li qegħdin  fuq ix-xwiek jistennew l-episodju li jmiss ta' vjolenza fuqhom.

 

“Għalhekk trid tkun missjoni tagħna li nindirizzaw din l-isfida ta' kuljum u nkunu qrib dawk li għandhom bżonna", qalet Dr Abela.

 

Sostniet li fl-aħħar xhur pajjiżna kompla jinvesti sew f'servizzi importanti ta' ħarsien li għenu mhux ftit, iżda issa rridu naħdmu iktar biex nippromwovu l-ħidma preventiva.

 

“Li nwaqqfu l-problema milli tibda huwa ħafna aktar importanti milli nippruvaw insolvu l-problema wara li tkun seħħet il-vjolenza, għax il-feriti li tħalli warajha l-vjolenza domestika huma feriti fondi", qalet il-mara tal-Prim Ministru.

 

Semmiet ukoll li l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika hija ġlieda favur il-valur tal-ugwaljanza li pajjiżna tant jgħożż. Għalhekk pajjiżna jrid ikompli jimbotta l-valuri tal-imħabba u r-rispett, b'investiment fil-prosperità u l-istabbilità tal-ġenerazzjoni mhux biss tal-lum imma tal-futur.

 

“L-isfida hija ta' kuljum. U aħna se nwieġbu għaliha kuljum", temmet tgħid Dr Abela.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dan il-ministeru huwa impenjat bis-sħiħ sabiex jistabbilixxi, jindirizza, u jgħin persuni milquta minn din il-pjaga soċjali. Il-Ministru Michael Falzon qal li qed titwettaq ħidma mill-qrib ma' NGOs li jagħtu appoġġ lill-vittmi ta' vjolenza domestika. Fil-fatt, il-ministeru jiffinanzja l-operat tal-NGOs sabiex ikollhom l-infrastruttura neċessarja u servizzi ta' 24 siegħa kuljum sabiex jgħinu dik il-persuna li ma jkollha l-ebda post ieħor fejn idur.

 

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-vjolenza tieħu diversi forom, mhux biss dik fiżika imma anke tipi ta' vjolenza emozzjonali, li jiġu minn kull naħa. Spjega li f'Malta hawn diversi każijiet, fejn l-abbuż fiżiku jimxi minn ġenerazzjoni għall-oħra, flimkien ma' diversi vizzji oħra. Għalhekk huwa importanti li nedukaw u nispjegaw l-effetti devastanti tal-vjolenza domestika sa' minn etajiet żgħar.

 

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici enfasizza l-importanza ta' aktar edukazzjoni  dwar il-vjolenza domestika biex nipprevenuha. Fl-istess waqt tkellem dwar kemm huwa kruċjali li jsiru avvenimenti bħal dawn li jkomplu jxerrdu l-għarfien dwar l-għajnuna li teżisti, u li din l-għajnuna nkomplu nsaħħuha. Hemm min lest jgħin biex jinqata' ċ-ċirku vizzjuż tal-vjolenza domestika. L-ambjent abbużiv ma għandux ikun kundanna għal għomrok.

 

“Illum nafu li huwa kruċjali li nkissru dan it-tabù fis-soċjeta' tagħna, nikxfu din il-pjaga u niffaċċjawha ta' li hi. Infakkru li l-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru mhumiex waħedhom. Hemm min lest li jgħinhom joħorġu mis-sitwazzjoni li qegħdin fiha u jimxi pass pass magħhom sa ma jerġgħu jiksbu ħajjithom lura. Iżjed minn hekk, wara l-vittmi għandu jkun hemm soċjetà sħiħa li bil-valuri tagħha, ta' kuljum tikkumbatti din il-battalja, bla ebda tolleranza għall-vjolenza. Spiċċa ż-żmien li fejn naraw sinjali ta' abbuż indawru wiċċna qisna ma rajna xejn. Hemmhekk, bis-silenzju tagħna nkunu kompliċi", temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici. 

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti sostna li l-Fondazzjoni kienet minn dejjem fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, u intant, matul iż-żmien, il-fondazzjoni wessgħet is-servizzi f'dan il-qasam u għalhekk aktar persuni fittxew l-għajnuna. Semma wkoll ix-xelter 'Għabex' li huwa l-ewwel post li persuna tmur fih wara li titlob l-għajnuna. Matul is-sena li għaddiet kienu 39 persuna li flimkien mat-tfal tagħhom użaw dan ix-xelter. Sa Ġunju 2021, diġà għamlu użu mix-xelter 'Għabex' 18-il vittma.

 

Temm jgħid li l-vjolenza domestika hija sfida ta' kuljum li rridu naħdmu biex negħlbuha f'kull jum tas-sena u mhux biss fil-jum tal-25 ta' Novembru.​​​