Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210836

PR210836

04/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Investiment ta’ miljun ewro f’sala fl-Isptar Monte Carmeli

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura sala ġdida fl-Isptar Monte Carmeli b'investiment ta' madwar miljun ewro.

 

Din is-sala, li hija magħrufa bħala l-Female Dual Diagnostic Unit, se tilqa' pazjenti nisa li għandhom sfidi ta' saħħa mentali u problemi ta' vizzji tad-droga. Din is-sala issa ssemmiet għal Dr Maria Sciberras, tabiba li kienet pijuniera f'pajjiżna għax-xogħol tagħha fost dawk bil-vizzji tad-droga.

 

Din is-sala se tospita għaxar pazjenti u hija l-ewwel sala kompletament anti-ligature' f'dan l-isptar. Dan ifisser li s-sala kollha ġiet iddisinjata b'tali mod li t-tagħmir u oġġetti kollha huma ddisinjati apposta biex il-pazjenti ma jkunux jistgħu jweġġgħu lilhom infushom jew lil xulxin.

 

“Din is-sala hija parti żgħira minn dak kollu li qegħdin nagħmlu fil-qasam tas-saħħa mentali. Minn meta ppubblikajna l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, bqajna ffukati biex nagħtu lil dan is-settur l-attenzjoni meħtieġa. Illum, bl-inawgurazzjoni ta' din is-sala, se nkunu qed niffukaw fuq it-tieni pilastru ta' din l-istrateġija, dak fejn insaħħu l-infrastruttura f'dan il-qasam", qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Huwa sostna wkoll li s-swali u l-ispazji ta' rikreazzjoni kollha li qed jiġu rinovati bħalissa se jkunu kollha tal-ogħla livell, kif inhi s-Sala Tabiba Maria Sciberras.

 

Din is-sala hija biss waħda minn kullana ta' proġetti li għaddejjin bħalissa fl-Isptar Monte Carmeli – fil-fatt fl-istess konferenza tal-aħbarijiet ingħata elenku tal-proġetti l-oħra li għaddejjin li jinkludu rinovazzjoni tal-Female Ward 2, Female Ward 7 u Block 1. Dan filwaqt li se titwaqqa' Block 10 sabiex tinbidel fi ġnien terapewtiku u se jsir ġnien u żona ta' rikreazzjoni biswit is-sala ddedikata għat-tfal u l-adoloxxenti.

 

Fl-istess ħin għaddejjin ukoll il-pjanijiet għall-isptar ġdid akut għas-saħħa mentali li se jkun jinkludi tmien swali u jesa' 120 sodda.