Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210821

PR210821

03/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Preliminary review: NAO's role in reviewing government's measures relating to the COVID-19 pandemic

L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, ippreżenta r-reviżjoni preliminari msemmija hawn fuq lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia. Din ir-reviżjoni serviet bħala prekursur għax-xogħol futur mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) b'rabta mal-miżuri meħuda mill-gvern biex itaffi l-effetti tal-pandemija COVID-19. Studji bbażati fuq l-evidenza f'pajjiżi oħrajn relatati ma' sitwazzjonijiet simili jinnotaw li l-istat ta' emerġenza li fih il-gvernijiet kellhom joperaw biex jittrattaw kriżi immedjata, żiedu r-riskji relatati mal-governanza tajba. Din ir-reviżjoni preliminari tispjega l-irwol tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (SAIs), inkluż l-NAO, fil-kuntest tal-pandemija u tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-miżuri fiskali fis-seħħ sat-tmiem ta' Settembru 2020.

Il-gvern qiegħed kontinwament iniedi miżuri biex jantiċipa u jtaffi l-effetti li qed jevolvu kawża tal-pandemija. Din ir-reviżjoni ħarset lejn il-miżuri fis-seħħ sat-tmiem ta' Settembru 2020. Apparti dawn il-miżuri fiskali, imħabbra bil-għan speċifiku li jittaffa l-effett soċjoekonomiku tal-pandemija, il-gvern ħabbar ukoll numru ta' miżuri relatati mas-saħħa pubblika bil-għan li tissaħħaħ it-tħejjija tas-settur tal-kura tas-saħħa. Sa tmiem il-perjodu taħt reviżjoni, il-gvern ipprovda €592 miljun f'għajnuna finanzjarja, li kienet tinkludi tqassim ta' fondi, dħul differit mit-taxxi u garanziji bankarji. Dawn il-miżuri fittxew li jipproteġu l-impjiegi billi jżidu l-konsum li naqas b'mod sinjifikanti f'xi setturi ekonomiċi, partikolarment fis-settur tal-industrija li jappartieni għas-servizzi offruti mill-ħwienet, turiżmu u ikel.

Is-salvagwardja tal-fondi pubbliċi, billi żżomm lill-gvernijiet responsabbli għall-infiq straordinarju, tintensifika għas-SAIs, inkluż l-NAO, speċjalment waqt sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jeħtieġu azzjoni urġenti u allokazzjoni sostanzjali ta' fondi. F'dan ir-rigward, is-serje 5500 tal-International Standards of Supreme Audit Institutions (ISSAI) tiggwida lis-SAIs biex jirrispondu b'mod deċiżiv fi żminijiet ta' kriżijiet, diżastri u emerġenzi. L-NAO segwa wkoll mill-qrib ix-xogħol relatat mal-COVID-19 ta' istituzzjonijiet ta' verifika oħrajn u qed jipparteċipa b'mod attiv fi grupp ta' ħidma Ewropew inkarigat li jħejji u jippubblika rapporti tal-verifika dwar ir-reazzjoni tal-gvernijiet nazzjonali għall-COVID-19.​

Bħal SAIs oħrajn, l-iskrutinju mill-NAO dwar l-infiq tal-gvern huwa limitat mir-riżorsi tiegħu stess u minn żviluppi li jkomplu jwessgħu x-xogħol tal-verifika. Dan iwassal biex il-programm ta' verifika fuq il-miżuri tal-gvern relatati mal-COVID-19 ikun determinat skont l-element tar-riskji involuti. Riċerka preliminari wasslet biex l-NAO jadotta pjan ta' skrutinju biex jirrevedi n-nefqa tal-gvern fil-konfront tal-pandemija:

 

  • Fażi 1 - Kontinwità tal-operat tas-settur pubbliku (Verifika ta' Prestazzjoni)
  • Fażi 2 – Konformità regolatorja u finanzjarja tal-miżuri tal-gvern
  • Fażi 3 – L-impatt tal-miżuri relatati mal-pandemija (Verifika ta' Prestazzjoni)

 

Għalkemm fi stadju bikri, diġà ħarġu xi lezzjonijiet mix-xogħol li sar s'issa mill-NAO relatat mar-reazzjoni tal-gvern għall-pandemija. Fost dawn hemm il-livell ogħla ta' riskju għall-governanza pubblika, il-ħtieġa li l-NAO jaġġusta l-pjanijiet ta' verifika tiegħu filwaqt li jagħraf l-importanza li jiżgura s-sigurtà tal-impjegati tiegħu. Barra minn dan, teżisti l-opportunità biex wara li tgħaddi l-kriżi tal-pandemija, dan l-uffiċċju jkollu rwol ewlieni fl-iskrutinju tal-miżuri marbuta mal-irkupru ekonomiku, mal-ġestjoni finanzjarja u mas-sistemi ta' governanza tajba, kif ukoll fit-tħejjija tal-gvern għal diżastri futuri.

 

Din ir-reviżjoni prelimarja hija aċċessibbli minn www.nao.gov.mt jew mill-paġna ta' Facebook www.facebook.com/NAOMalta.