gov.mt

pr211163

PR211163

18/06/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Jibda s-servizz ta’ delivery drone f’pajjiżna


Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar kif is-settur tal-avjazzjoni se jkun qed jagħmel pass ieħor 'il quddiem, hekk kif ingħata bidu għall-ewwel titjiriet ta' delivery drone, bl-ewwel testing ikun vjaġġ minn Malta sa Kemmuna.

 

Dan id-drone jista' jintuża biex iwassal provvisti ta' mediċina jew first aid f'emerġenza. Mit-trasport ta' dokumenti sa anke merkanzija medika urġenti, drone bħal dan jista' jsalva l-ħajjiet, u għalhekk wieħed mill-vantaġġi hu l-iffrankar tal-ħin.

 

L-għan ta' dan id-delivery drone se jkun wieħed illi jiffaċilita t-trasport bejn Malta u Għawdex ta' bosta affarijiet, b'mod speċjali dawk li jkunu urġenti. Dawn it-tip ta' drones se jkunu jistgħu jivvjaġġaw sa massimu ta' veloċità li tlaħħaq it-80 kilometru fis-siegħa u tul massimu ta' 80 kilometru. Dan ifisser li dan id-drone jagħmel madwar kilometru kull minuta. Huwa mifhum illi f'każ ta' vjaġġ urġenti bejn l-isptar ta' Malta u l-isptar ta' Għawdex, dan id-drone jagħmel il-vjaġġ f'bejn 20 u 30 minuta. Dan it-tip ta' drone jiżen ftit inqas minn 25 kilo u kapaċi jġorr 10 kilos ta' merkanzija u provvisti.

 

Il-Ministru Ian Borg spjega kif dan se jkun pass ieħor kbir għall-industrija tal-avjazzjoni kif ukoll għas-settur tat-teknoloġija f'Malta, u qal li llum aktar minn qatt qabel qegħdin naraw kemm it-teknoloġija tad-drones hija waħda dinamika u li toffri bosta servizzi differenti sabiex tiffaċilita l-ħajja.

 

“Dan tal-lum ikompli juri kemm dan il-gvern hu wieħed progressiv. Qed naraw li pajjiżna jibqa' aġġornat mal-kumplament tad-dinja kollha f'dik li hi teknoloġija sabiex ingawdu minn servizzi aktar effiċjenti u li jieħdu inqas ħin. Bħal ma riċentament ħabbarna, qegħdin nimplimentaw l-użu ta' teknoloġija f'oqsma u setturi oħra bħalma hu t-trasport tal-art bl-eżempju tal-autonomous buses, il-mixja għall-eletrifikazzjoni tal-karozzi u issa wkoll l-użu tat-teknoloġija fis-settur tal-avjazzjoni. Minkejja li ninsabu f'fażi ta' testijiet, ladarba dawn id-drones jirriżultaw f'suċċess se nkunu qegħdin inkomplu neliminaw iktar traffiku u għalhekk nikkontribwixxu għal inqas tniġġis. Dan il-proġett u oħrajn ikomplu juru li Malta hija miftuħa għal ideat ġodda u huma xhieda tal-impenn ta' dan il-gvern għal aktar suċċessi. Ninsabu kommessi li nżommu lil pajjiżna bħala pjattaforma li tfassal, tiżviluppa u timplimenta ideat innovattivi bħal dawn, li jistgħu jibdlu l-mod kif ngħixu bħala soċjetà u jikkontribwixxu għal ħajja aħjar," qal il-Ministru Ian Borg.

 

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace, qal, “Illum assistejna għal din it-titjira, wirja u prova ta' kif it-teknoloġija tista' tiġi applikata u adattata biex tagħmel xogħol siewi. Fil-każ tal-lum, l-eżerċizzju kien li trasportajna d-demm minn post għall-ieħor, eżerċizzju li narawh isir ħafna barra minn Malta u li naraw li jista' anke jiġi applikat hawn Malta. Bħala Direttorat, dejjem rajna li naħdmu ma' kulħadd. Infakkar it-tnedija tal-online portal sabiex tassisti lil dawn l-operaturi. Id-Direttorat se jibqa' jaħdem favur aktar suċċessi f'dan is-settur u se nkunu liberali fil-ħsibijiet tagħna sabiex inkomplu nimxu 'l quddiem. Nieħdu pjaċir naraw lis-settur privat jaħdem magħna u jilqa' l-isfidi magħna sabiex noħorġu bi proġetti innovattivi bħal tal-lum. Irrid ukoll infakkar li għaddejna leġislazzjoni ġdida bħala 'Registration Act', li ukoll daħħalna l-kunċett ta' reġistru ta' ajruplani bla bdott u wkoll tibdiliet fl-'Air Navigation Act', li se jagħti possibilitajiet ġodda u se jistabbilixxi parametri ġodda għal operat tal-unmanned aircrafts.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' Hands On Systems Geoffrey Farrugia qal li, “Kien ta' suċċess u unur li naraw lill-Ministru Ian Borg li wera interess u appoġġja dan il-proġett. Ix-xogħol ma jispiċċax hawn u saħansitra se nkomplu niżviluppaw l-idea bl-għan li nikkummerċjalizzaw dan is-servizz. Bl-għajnuna tal-entitajiet li ġew isegwuna llum, naspiraw li fix-xhur li ġejjin naraw dan is-servizz jiġi kkummerċjalizzat."

 

Dan il-proġett kien maħdum fuq medda ta' sena, fejn saru bosta studji intensivi. HandsOn Systems flimkien ma' QuAero u Phoenix Wings ingħaqdu biex jaħdmu fuq dak li se jkun l-ewwel delivery drone tad-ditta Skymax f'Malta. F'kordinazzjoni mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, Skymax approvat li UAV (Unmanned Aerial Vehicle) jista' jintuża b'mod sigur biex jittrasporta merkanzija varja bejn il-gżejjer Maltin bl-iktar mod effiċjenti.