gov.mt

pr211112

PR211112

10/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA GVERN GĦAN-NIES: Viżjoni Ekonomika għal Malta 2021- 2031 għall-konsultazzjoni nazzjonali

​Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Silvio Schembri jsostnu li issa huwa ż-żmien li naħdmu flimkien għal ekonomija ta' ġid għal kulħadd

Ħames pilastri ekonomiċi li jagħtu prominenza lill-kuraġġ, il-kompassjoni u l-kisbiet ta' nazzjon u li jwasslu għal diskussjonijiet mas-soċjetà u n-negozju, għall-għaxar snin li ġejjin

 

Illum, il-Gvern nieda proċess ta' konsultazzjoni tal-Viżjoni Ekonomika ta' Malta 2021-2031 li tiffoka fuq l-innovazzjoni u l-kreattività; l-użu tal-mezzi diġitali għall-produttività u l-kompetittività; il-konverżjoni tal-edukazzjoni mal-iżvilupp tal-ħiliet mal-impjiegi settorjali, il-kunsiderazzjonijiet ta' kwistjonijiet ambjentali u t-tisħiħ kontinwu tal-ambitu regolatorju tan-negozju.


Din it-tnedija saret mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, f'laqgħa li fiha saru numru ta' diskussjonijiet ma' stakeholders lokali. Imsemmi 'A Future-Proof Malta – a nation of courage, compassion and achievement', id-dokument għall-konsultazzjoni huwa bbażat fuq ħames pilastri ewlenin li huma: 

  • It-Tkabbir ekonomiku sostenibbli għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja;
  • Infrastruttura u investiment ta' kwalità għolja;
  • Edukazzjoni u l-impjiegi;
  • Ambjent;
  • Standards għoljin ta' kontabilità, governanza u s-saltna tad-dritt.

    Kull wieħed minn dawn il-pilastri jippreżenta missjoni li l-iskop tagħha huwa li jitfasslu l-prijoritajiet għad-deċennju li ġej u u li jwasslu għal 'A Future-Proof Malta'.

     

    Il-Prim Ministru Robert Abela qal li, “Illum, qed inwittu t-triq għad-deċennju li jmiss, fejn pajjiżna se jsir ċentru ta' eċċellenza, denju li huwa l-aqwa fl-Ewropa u fid-dinja. Jekk qabel ridna nilħqu l-medja, issa rridu nilħqu l-quċċata". Fakkar kif pajjiżna bena politika ekonomika sostenibbli u robusta tul is-snin. Kien għalhekk li pajjiżna seta' jilqa' għall-mumenti turbulenti li ġabet magħha l-pandemija, fejn il-gvern irdoppja l-ispiża fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, kien ta' spalla għan-negozji, filwaqt li ħares l-interessi ta' kulħadd u adotta viżjoni ħolistika li ma tħalli lil ħadd jaqa' lura.

     

    Biex issa nżommu l-livell li laħqet l-ekonomija ta' pajjiżna u saħansitra ntejbuha jeħtieġ forza ikbar biex nagħmlu l-qabża li jmiss, qal il-Prim Ministru. Biex nagħmlu dan jeħtieġ li nittrasformaw is-sistema edukattiva b'mod qawwi biex l-edukazzjoni ma tibqax biss fażi definita imma proċess kontinwu. “Huwa biss b'sistema edukattiva differenti li nistgħu nibnu ekonomija fejn il-kwalità tal-ħajja titjieb," saħaq il-Prim Ministru. Ma' dan, hemm l-infrastruttura li, biex pajjiżna jibqa' kompetittiv, teħtieġ investiment qawwi. “Kien għalhekk li fl-eqqel ta' pandemija ħabbarna l-ikbar pjan ta' infrastuttura industrijali qatt maħsub għal pajjiżna," kompla l-Prim Ministru. Fakkar li jikkumplimentaw dawn iż-żewġ pilastri hemm il-governanza, il-kontabilità u s-saltna tad-dritt li rridu nibqgħu nħarsuhom u ninfurzawhom.

     

    Semma' wkoll li ma jistax ikollok ekonomija b'saħħitha jekk l-ambjent ma jkunx b'saħħtu, u ma jistax ikollok ambjent protett jekk l-ekonomija tkun dgħajfa. Għalhekk li fisser it-trasformazzjoni ambjentali bħala l-aqwa opportunità ekonomika li għandha din il-ġenerazzjoni. “Biex nibnu soċjetà carbon-neutral, għandna quddiemna snin twal ta' investiment li joħolqu opportunitajiet kbar għal negozji eżistenti u oħrajn prospettivi," saħaq il-Prim Ministru.

     

    Huwa temm id-diskors tiegħu billi appella għall-għaqda wara din il-viżjoni biex flimkien insaħħu din il-viżjoni u nibnu prosperità ġdida.


    Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri fakkar kif sena ilu, waqt pandemija globali, ġie ppreżentat wieħed mill-ikbar pakketti fid-dinja kollha ta' rkupru ekonomiku mill-COVID-19, li nieda miżuri li salvaw 'il fuq minn 100,000 impjieg. Issa li din is-sitwazzjoni għaddiet, nistgħu  nħarsu 'l quddiem, u għalhekk kien imiss viżjoni ekonomika li twassal għal pjanijiet aktar fit-tul li jikkonċernaw u jħallu impatt fuq il-pajjiż kollu.


    Il-Ministru Schembri saħaq li, barra l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin, din il-viżjoni għandha wkoll l-għan li trawwem mentalità ġdida fejn jidħol it-tfassil tal-politika, tpoġġi l-innovazzjoni u l-kisbiet tanġibbli fiċ-ċentru tat-tkabbir ekonomiku li kapaċi jindirizzaw l-isfidi emerġenti, filwaqt li tidentifika s-soluzzjonijiet għalihom. Spjega wkoll kif dan se jsir permezz ta' konsultazzjoni u kollaborazzjoni sħiħa bejn il-ministeri kollha tal-gvern. Il-proċess ta' diskussjoni se jkun ukoll miftuħ għas-soċjetà kollha, kif ukoll l-industrija u n-negozji, dan sabiex jinqasmu ideat dwar id-direzzjoni li għandha tittieħed biex finalment jinstab bilanċ bejn il-prosperità ekonomika u l-ħarsien tal-ambjent.  


    Il-Ministru Schembri wera għal darb'oħra l-impenn tal-gvern li jibni ekonomija li  tħares il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, ugwaljanza fl-opportunitajiet u benefiċċji li jaraw l-interess tal-ħafna u mhux tal-ftit. Qal kif dan l-eżerċizzju se jrawwem din il-gżira f'nazzjon tal-futur u se jassigura ekonomija ta' ġid għal kulħadd. Fost dawk li se jibbenefikaw minn dan l-eżerċizzju, il-Ministru semma:
  • Studenti li se jgawdu minn impjiegi ta' kwalità aħjar u bi ħlas tajjeb;
  • Intraprendituri / mexxejja tan-negozju li b'niċeċ ekonomiċi innovattivi u kompetittivi ġodda se jkunu jistgħu joperaw f'ambjent aktar b'saħħtu u dinamiku;
  • Pensjonanti li se jgawdu mis-sostenn u titjib tal-impenn tagħna għall-ġenerazzjonijiet anzjani permezz ta' aktar ħolqien ta' tkabbir ekonomiku;
  • Familji ħaddiema li se jibbenifikaw billi ntejbu l-kwalità tal-ħajja permezz tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja f'ambjent naturali b'saħħtu.

    “Irridu nieħdu vantaġġ mix-xejriet futuri li l-pandemija nisslet, bħal remote working, li jipprovdi bażi soda biex tespandi l-ekonomija bbażata fuq is-servizzi li toffri Malta madwar id-dinja, filwaqt li tieħu l-opportunitajiet li jirriżultaw minn din ir-realtà ġdida. Dan jinvolvi t-tħaddin tar-raba' rivoluzzjoni industrijali, ibbażata fuq teknoloġija avvanzata li tiddetermina l-mod kif ngħixu, naħdmu u nirrelataw ma' xulxin," ikkonkluda l-Ministru Schembri.

    Il-proċess ta' konsultazzojni qed jitmexxa mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija permezz tal-MIMCOL, filwaqt li d-dokument tal-konsultazzjoni jinsab fuq  https://mimcol.com.mt/wp-content/uploads/2021/06/A-Future-Proof-Malta-Consultation-Document.pdf.

    Il-konsultazzjoni tagħlaq fil-31 ta' Lulju 2021.