gov.mt

pr211386

PR211386

22/07/2021

STQARRIJA MILL-GVERN TA' MALTA - L-IMF tirrevedi 'l fuq it-tbassir ekonomiku għal Malta

​ 

Fi tmiem analiżi estensiva tal-ekonomija tagħna, grupp ta' esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) rrevedew 'il fuq it-tbassir tagħhom għal pajjiżna. Fit-tbassir tagħhom f'April li għadda, huma kienu qalu li l-ġid nazzjonali tagħna kien se jikber b'4.7%. Iżda issa dan ġie rivedut għal kważi 5.8%. Din ir-reviżjoni 'l fuq ta' aktar minn punt perċentwali hija saħansitra akbar minn dik li għadhom kemm għamlu l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea.

 

Għas-sena d-dieħla, l-esperti tal-IMF qed ibassru rata ta' tkabbir ekonomiku ta' 6%. Anke f'dan il-każ, kien hemm reviżjoni 'l fuq fir-rata ta' tkabbir għal pajjiżna, din id-darba ta' kważi nofs punt perċentwali.

 

Ir-rapport tal-IMF huwa ċar fuq ir-raġunijiet wara l-irkupru mgħaġġel ta' pajjiżna wara l-impatt qawwi tal-pandemija. Fil-fatt, jingħad li, “the authorities' swift and bold policy response helped mitigate the impact, preventing large-scale layoffs, bankruptcies, and credit disintermediation." Dawn il-miżuri ta' sostenn kienu frott l-għaqal tal-gvern fl-aħħar snin, tant li l-esperti tal-IMF iħeġġu lill-gvern biex malli tgħaddi l-pandemija jerġa' jibni r-riżorsi fiskali tal-pajjiż.

 

L-IMF faħħret il-programm ta' vaċċinazzjoni u nnutat kif diġà l-kunfidenza fost il-familji u n-negozji laħqet il-livelli ta' qabel il-pandemija. Waqt li nnutat numru ta' fatturi li jistgħu jaffettwaw ir-rata ta' rkupru, l-IMF uriet li kontra dawn hawn domanda domestika ferm qawwija.

 

L-esperti internazzjonali ħeġġew lill-gvern biex filwaqt li jibda jagħmel tapering ta' xi miżuri ta' sostenn, jaqleb oħrajn fi programmi li jgħinu t-tkabbir sostennibli tal-ekonomija Maltija.

 

Ir-rapport iħeġġeġ ukoll lill-gvern biex ma joqgħodx lura milli jgħin in-negozji fejn ikun meħtieġ. Għalkemm kelliema tal-Oppożizzjoni jgħidu li l-gvern m'għandux pjan fiskali u ekonomiku, l-esperti tal-IMF jgħidu li jaqblu mal-istrateġija tal-gvern, speċjalment fil-qasam tal-infrastruttura.

 

Ir-rapport tal-IMF jinnota kif, “over the past two years, the authorities have made good progress in strengthening the AML/CFT framework, including by addressing technical deficiencies". Huma ħeġġew lill-gvern biex jimplimenta l-action plan maqbul mal-FATF. Dan filwaqt li sostnew li pajjiżna għandu jkompli jsaħħaħ il-governanza.

 

Fl-aħħarnett, l-esperti internazzjonali laqgħu d-diversi strateġiji li qed ivara l-gvern biex pajjiżna jwettaq il-qalba diġitali u ambjentali. Huma sostnew li Malta għandha tibqa', “among Europe's digital frontrunners", filwaqt li laqgħu l-pjan biex pajjiżna jnaqqas l-emissjonijiet. Bħalma jagħmel il-gvern, sostnew li d-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta' pajjiżna huma l-aqwa garanzija ta' tkabbir akbar u aktar sostenibbli.

 

Il-gvern jilqa' dan l-aħħar ċertifikat pożittiv, filwaqt li jikkonferma d-determinazzjoni li tinbena prosperità ġdida għal pajjiżna frott riformi progressivi kontinwi.