Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210074

PR210074

13/01/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA

Ġie mwaqqaf Kumitat Tekniku, magħmul minn diversi professjonisti mil-qasam legali u dak soċjali. Il-funzjoni tiegħu hija li joħloq aktar għarfien dwar il-fenominu li dejjem qed jiżdied magħruf bħala 'parental alienation'. Dan iseħħ ġeneralment f'każijiet ta' ġlied bejn il-ġenituri, bit-tfal jispiċċaw vittmi u ballun bejn iż-żewġ naħat. Każijiet oħra huma dawk fejn wieħed mill-ġenituri jipprova jaljena lit-tfal, u b'modi diversi jipprova jaffettwa fin-negattiv, ir-relazzjoni tat-tfal mal-ġenitur l-ieħor.

 

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis. Il-ministri ħabbru li dan il-Kumitat Tekniku se jkun kompost kif ġej:

 

Chairperson: Dr Andy Ellul, Konsulent Legali MSFC

Segretarja: Dr Fleur Abela, Konsulent Legali MJEG

Membri:

Sa. Pauline Miceli, Kummissarju tat-Tfal

Sa. Mary Gauci, Happy Parenting Malta

Dr Audrey Friggieri, Kummissjaru kontra l-vjolenza domestika

Sur Steve Liberi, Direttur Protezzjoni tal-Minuri fil-Fondazzjoni Għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.

 

Il-Kumitat se jkun qed idaħħal fis-seħħ it-tibdil propost, u eventwalmenet jiġu indirizzati emendi mressqa serjament f'qafas leġiżlattiv u li permezz tiegħu joħolqu ċertezza legali. Matul is-sena se jkunu qed jingħataw aġġornamenti ta' x'ser ikunu  dawn il-bidliet, u kif l-aktar se jolqtu dawk in-kwistjoni.

 

Il-Ministru Michael Falzon qal li minn meta bdiet il-pandemija tal-Covid-19, żdiedu l-każijiet marbuta ma' dan il-fenomenu u għalhekk il-bżonn ta' intervent mill-aktar fis possibli. Hawnhekk għamilha ċara li l-aqwa interess għandu jkun dak tat-tfal, filwaqt li ċanfar il-mod li xi wħud mhumiex jifhmu dan biżżejjed, u li minflok qed jagħżlu li jbiċċru l-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, b'dannu dirett għat-tfal infushom. 

 

Min-naħa tiegħu l-Ministru Edward Zammit Lewis enfasizza l-fatt li l-fenomenu soċjali ta' 'parental alientation' huwa wieħed silenzjuż u jolqot lill-aktar parti vulnerabbli li huma l-ulied u t-tfal. Hija għal din ir-raġuni li qed jiġi mwaqqaf Kumitat bħal dan apposta biex b'hekk għal darba oħra din l-amministrazzjoni tkun qabdet il-barri minn qrunu u indirizzat il-problema fil-qalba tagħha.

 

Il-Ministru Zammit Lewis insista dwar il-bżonn li jiġu mħarrġa numru ta' professjonisti li jiġu f'kuntatt f'każijiet bħal dawn, mill-Membri tal-Ġudikatura, l-Avukati, sal-Korp tal-Pulizija u l-Ħaddiema Soċjali. Dan japplika għall-Avukati tat-Tfal u l-Avukati tal-Għajnuna Legali li dan il-gvern saħħaħ bil-bosta f'dawn l-aħħar xhur. Kull professjonist għandu jkun imħarreġ biex jempatizza u jifhem aħjar minn xiex jgħaddu l-ġenituri u t-tfal. Dan juri r-rieda ċara ta' dan il-gvern li jkun dejjem fuq in-naħa tal-aktar vulnerabbli.​​