Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210071

PR210071

13/01/2021

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET


Identity Malta tibda tilqa’ korrezzjonijiet minuri fl-użu tal-alfabett Malti għall-ismijiet Maltin. Se jinħarġu l-passaport u l-karta tal-identità ġdida bla ħlas għal dawk li jagħmlu din it-tip ta’ korrezzjoni

Wara li ftit tal-jiem ilu tħabbret li r-reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet Maltin bl-użu tal-alfabett Malti għal ulied ġodda issa huwa possibbli fuq is-sistema elettronika tar-Reġistru Pubbliku fi ħdan Identity Malta, l-aġenzija tixtieq tinforma lill-pubbliku li minn issa wkoll bdiet tilqa’ talbiet għall-korrezzjonijiet minuri f’dan ir-rigward. Dawn il-korrezzjonijiet jinkludu ismijiet ta’ individwi li ma jinkludux l-użu tal-karattri tal-alfabett Malti fl-isem tagħhom li hu bil-Malti. Ismijiet Maltin li m’għandhomx dawn il-karattri issa jistgħu jiġu korretti bla ħlas b’talba diretta lir-Reġistru Pubbliku.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat saħaq li wara li ġiet indirizzata din l-anomalija sabiex tingħata l-possibilità lill-ġenituri li jagħtu isem Malti lil wild tagħhom bl-użu tal-alfabett Malti, issa wkoll qed tingħata l-possibilità lil dawk li diġa’ għandhom isem Malti iżda mingħajr il-karattri tal-alfabett Malti sabiex jagħmlu dawn il-korrezzjonijiet. 

“Minn issa wkoll qegħdin nagħtu l-opportunità lil dawk kollha li matul iż-żmien kellhom isem Malti iżda mingħajr il-karattri fl-alfabett Malti sabiex jagħmlu l-bidla li jixtiequ bla ebda ħlas. Mhux hekk biss, imma anke se jkun qed jinħareġ passaport kif ukoll karta tal-identità ġdida li se tirrifletti din il-bidla. Nisħaq fuq l-importanza li nkomplu naraw li l-ilsien nazzjonali tagħna, il-lingwa Maltija, tkun imħarsa u użata issa anke fis-sistemi kollha tar-Reġistru Pubbliku,” sostna s-Segretarju Parlamentari. 

Permezz tal-emendi legali li daħlu fis-seħħ riċentament, dawk li għandhom isem Malti rreġistrat mingħajr l-użu tal-alfabett Malti jistgħu jagħmlu l-korrezzjoni meħtieġa b’sempliċiment talba quddiem id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku u mingħajr il-bżonn ta’ rikors il-Qorti. Dan ifisser inqas spejjeż u burokrazija għall-applikanti. 

L-Aġenzija Identity Malta tinforma lil dawk l-individwi li se jkunu qed jagħmlu din it-tip ta’ korrezzjoni li se jinħarġilhom passaport (li se jkollu l-istess data tal-iskadenza) u karta tal-identità ġdida mingħajr ebda ħlas.