Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210385

PR210385

23/02/2021

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET €1.4 miljun f’għajnuna diretta minn Identity Malta għal min iħaddem

Il-pandemija globali rriżultat f'sitwazzjoni bla preċedent għal min iħaddem. Minkejja li hemm min investa b'suċċess f'applikazzjonijiet għal ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jaħdmu hawn Malta, il-perjodu ta' żmien biex uħud minn dawn il-ħaddiema jaslu Maltin skada, minħabba restrizzjonijiet li ġew introdotti b'mod internazzjonali fuq l-ivvjaġġar.

 

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat ħabbar li Identity Malta aġixxiet fuq din is-sitwazzjoni u qed tipprovdi lil min iħaddem b'żewġ għażliet biex itaffi l-piżijiet tar-restrizzjonijiet temporanji.

 

Min iħaddem f'Malta jista' japplika għal estensjoni ta' sitt xhur għall-applikant biex jasal Malta. Inkella, jista' jagħżel li jirċievi nota ta' kreditu għal kull applikazzjoni mingħand Identity Malta, li trid tinfeda fi żmien sitt xhur.

 

B'hekk, l-aġenzija Identity Malta se tkun qed tinvesti €1.4 miljun f'għajnuna diretta. Ta' min ifakkar li diġà ngħatat estensjoni oħra f'Awwissu li għadda. Ċittadini ta' pajjiżi terzi li kienu ngħataw permess biex jaħdmu f'Malta qabel Marzu 2020 kienu ngħataw sitt xhur żmien addizzjonali biex jaslu Malta.

 

Jekk l-applikant ikkonċernat jagħżel li ma jivvjaġġax lejn Malta biex jibda l-impjieg prospettiv, min iħaddem jista' japplika għal rifużjoni fil-forma ta' nota ta' kreditu għall-ammont sħiħ imħallas għal dik l-applikazzjoni. Dan japplika wkoll għal applikanti li rnexxew u li ngħataw approvazzjoni fil-prinċipju u li l-applikazzjoni tagħhom waslet qabel il-31 ta' Marzu 2020.

 

“Li jkollna attitudni prattika tipprovdi lin-negozji tagħna bil-flessibbiltà meħtieġa, kemm f'termini ta' finanzi, kif ukoll f'termini ta' skadenzi stipulati," qal is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat. Żied jgħid li applikazzjoni waħda tiswa lil min iħaddem madwar €300, u ħafna drabi min iħaddem japplika għal aktar minn permess wieħed ta' dan it-tip. “Ninsabu impenjati li ngħinu lin-negozji matul dawn iż-żminijiet diffiċli. Din id-deċiżjoni hija indikazzjoni ċara li ma rridux li min iħaddem iġorr l-ispiża għal fatturi li ma jistgħux jikkontrollaw," qal is-Segretarju Parlamentari.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' Identity Malta Anton Sevasta spjega li min iħaddem se jkun mgħarraf bl-għażliet tiegħu bil-posta u d-deċiżjoni għandha tkun ikkomunikata ma' Identity Malta fi żmien 15-il jum ta' xogħol. Enfasizza li l-verifiki tas-sigurtà meħtieġa xorta se jsiru bl-ikbar reqqa. Is-Sur Sevasta faħħar lill-ħaddiema ta' Identity Malta għall-attitudni pożittiva tagħhom biex jadattaw għas-sitwazzjoni.

 

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u s-Sur Anton Sevasta kienu qed jindirizzaw laqgħa mal-partijiet interessati, li għaliha attendew il-General Workers' Union, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin, l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti u l-Kamra Għawdxija għall-Kummerċ. ​