Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210384

PR210384

23/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Ix-xogħol fuq il-Marsa Junction Project joqrob lejn it-tmiem


​Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru l-aħħar xogħlijiet li għaddejjin fuq il-proġett tal-Marsa Junction, investiment ta’ €70 miljun, ko-finanzjat b’fondi Ewropej.

Il-Marsa Junction Project jinkludi intersezzjoni b’ħafna livelli ġodda sabiex tissostitwixxi s-sistema l-qadima tad-dwal tat-traffiku tal-Addolorata, bi 12-il kilometru ta’ korsiji mingħajr waqfien, separati mill-grad fi tliet livelli, u toħloq konnessjonijiet diretti u aktar sikuri għal modi differenti ta’ vjaġġar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’dan in-network. Il-proġett qed jelimina l-istennija tad-dwal tat-traffiku tul din ir-rotta prinċipali għan-nofsinhar ta’ Malta, filwaqt li se jnaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħra fil-qrib.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Il-viżjoni ta’ dan il-gvern hija waħda ħolistika u ma tiqafx biss billi tindirizza l-problema tat-traffiku iżda hija waħda li tħares lejn l-istampa kollha. Bil-Marsa Junction Project se jonqos it-traffiku, iżda se jingħata wkoll nifs aħjar lil aktar minn mitt elf persuna li jivvjaġġaw minn hawnhekk ta’ kuljum permezz ta’ inqas emissjonijiet kawża tal-konġestjoni. Il-gvern ra wkoll li jadotta inċentivi oħra bħall-kunċett tal-arti, għax jaf u jemmen fis-saħħa li għandha l-arti fil-ħajja tan-nies. Barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra li 8,000 siġra indiġena u aktar minn 10,000 arbuxxell se jitħawlu, naħseb li l-viżjoni tagħna li noffru aktar sostenibbiltà, pulmun aktar nadif u kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies hija ċara daqs il-kristall.”

Il-Ministru Ian Borg fakkar ukoll li permezz tal-Marsa Junction Project, il-gvern se jkun qed jinċentiva aktar l-użu tat-trasport nadif permezz ta’ karreġġjati għar-roti b’tul ta’ 3.5 kilometru.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li minn dan l-investiment, €49 miljun ġejjin mill-fond dirett ta’ Connecting Europe Facility, filwaqt li €3 miljun oħra qed jiġu investiti mill-fond ta’ koeżjoni. Huwa spjega li dan il-proġett mhux biss qed isaħħaħ l-aspett infrastrutturali tat-toroq iżda fih qed jiġi inkorporat ukoll l-aspett ambjentali biex nassiguraw li jkollna arja aktar nadifa għan-nies tal-inħawi.

Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, “Ir-riżultati ta’ dan il-proġett jitkellmu waħidhom, grazzi għal fondi Ewropej, qed nindirizzaw problemi ambjentali billi eliminajna l-konġestjoni tat-traffiku f’din l-arterja prinċipali. Fejn qabel in-nies li joqogħdu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta kellhom jaħsbu siegħa qabel ħabba traffiku, issa l-ħin tal-ivjaġġar tagħhom naqas drastikament. Dawn huma riżultati konkreti li jistgħu jinħassu fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies, biex hekk verament inkunu nistgħu ngħidu li qed intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies li joqogħdu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta”.

Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq iż-żewġ pontijiet fejn qed jiġu installati t-tmien liftijiet u qed jitlestew l-istrutturi b’punti ta’ sigurtà, bi dwal, kameras tas-sigurtà u xogħol ieħor li jiżgura sigurtà u aċċessibiltà aħjar. Ix-xogħol finali fuq il-Park and Ride ħdejn il-waqfiet tal-karozzi tal-linja miexi wkoll, fejn se jinħoloq 380 spazju ġdid.