Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210380

PR210380

23/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI: Fl-2020 il-gvern investa €7 miljun f’xogħlijiet ta’ tisbiħ, manutenzjoni u rranġar

​​
50 familja li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali tas-Siġġiewi jibbenefikaw minn investiment ta’ €300,000

Matul is-sena li għaddiet, il-gvern investa €7 miljun f’xogħlijiet ta’ tisbiħ, manutenzjoni u rranġar. Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara li għamel f’Ta’ Ramija fis-Siġġiewi, żona li fiha ġew konklużi xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq il-faċċati ta’ tliet blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali, b’investiment ta’ €300,000 u li bbenefikaw minnhom 50 familja.

“80% tal-proġetti ta’ riġenerazzjoni tal-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali li bdejna fl-2020 ġew konklużi. Dan ifisser titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ 500 familja b’investiment ta’ €2.6 miljun. Il-blokok riġenerati ta’ housing soċjali f’Ta’Ramija s-Siġġiewi huma eżempju ċar ta’ kif dawn il-proġetti mhux biss qegħdin joffru ambjent aktar xieraq u diċenti lir-residenti, iżda ukoll lis-Siġġiwin kollha. Minn binjiet fi stat ta’ abbandun għal binjiet li qegħdin isebbħu ż-żona li jinsabu fihom.”

Il-Ministru Roderick Galdes spjega li flimkien ma’ dan l-investiment, il-gvern qiegħed jinvesti wkoll fil-manutenzjoni ta’ rutina fi blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar Malta u Għawdex.

“Dan mhuwiex l-uniku investiment li qegħdin nagħmlu fil-binjiet eżistenti ta’ akkomodazzjoni soċjali, fil-fatt matul is-sena 2020 investejna ftit anqas minn €3 miljun oħra fil-manutenzjoni ta’ dawn l-appartamenti, investiment li bbenefikaw minnu 1,400 familja li llum qegħdin jgħixu f’ambjent aktar sigur.”

L-Awtorità tad-Djar toffri ukoll skema ta’ titjib u rranġar fi djar tal-gvern u privati kif ukoll skema sabiex jiġu rranġati strutturi perikolużi. Il-Ministru Roderick Galdes spjega li matul is-sena 2020, minn dawn l-iskemi bbenefikaw 150 persuna. 

“B’investiment ta’ aktar minn €600,000 aktar minn 150 familja oħra ngħataw il-fondi neċessarji biex wettqu xogħlijiet ta’ rranġar u titjib fi djarhom, investiment li ssarraf f’serħan il-moħħ għal dawn il-benefiċjarji li mingħajr dawn il-fondi ma kienx ikun possibbli għalihom li jagħmlu x-xogħlijiet neċċessarji. Dan filwaqt li b’investiment ieħor ta’ €750,000, permezz tal-iskema għal persuni b’diżabilità għamilniha possibbli li d-dar ta’ 140 persuna tinbidel għal waħda aċċessibbli. Dan ifisser li dawn il-persuni, permezz ta’ din l-iskema, setgħu jibqgħu jgħixu fi djarhom.”

Il-Ministru Roderick Galdes temm jgħid li permezz ta’ dawn il-proġetti, fl-2020 il-gvern tejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ aktar minn 2,000 familja.