Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210379

PR210379

23/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI: L-edukazzjoni trid toħroġ il-ħiliet u l-elementi kollha differenti li għandu kull student

​​​​"Ħidma kbira, impenn kbir u dedikazzjoni ħafna akbar, huma l-qofol tal-edukazzjoni tagħna", qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt ċerimonja li matulha ngħataw għall-ewwel darba l-Malta VET Awards. Il-ministru premjat individwi jew kumpaniji li spikkaw fit-tagħlim jew taħriġ vokazzjonali jew applikat. 

Kull sena l-Kummissjoni Ewropea u l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jorganizzaw ġimgħa ta' avvenimenti biex l-inizjattivi u l-ħiliet li jiġu żviluppati permezz tal-isforzi kbar li kull pajjiz jagħmel fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali jiġu ċċelebrati u jingħataw viżibilità. Malta tingħaqad mal-istati membri l-oħra fit-tisħiħ ta' dan l-impenn u sabiex tagħti appoġġ lil kull min jaħdem f'dan is-settur, inkluż l-istudenti, l-għalliema, il-letturi, u l-isħab fl-industrija kif ukoll l-amministraturi. 

Il-Ministru Caruana enfasizzat li din hija ċerimonja li tagħti valur lir-riżors uman. Qalet ukoll li rridu naraw kif noħorġu l-ħiliet ta' kull persuna, imma wkoll norjentawhom skont il-ħiliet personali u skont il-ħtiġijiet ekonomiċi li għandu l-pajjiż. “L-edukazzjoni hija vjaġġ, u hawnhekk nitkellmu dwar 'My Journey', li aħna kburin ħafna bih, li għandu element ta' taħriġ vokazzjonali. Permezz tal-edukazzjoni rridu noħorġu l-elementi u l-ħiliet kollha differenti tal-istudenti, iżda mhux biss, għaliex dan huwa wkoll vjaġġ li jgħaqqad flimkien l-istudenti, l-edukaturi u d-dinja tax-xogħol u din iċ-ċerimonja tal-lum tagħmel propju dan", kompliet tgħid il-Ministru Caruana. 

F'Ottubru tas-sena l-oħra, il-Ministeru għall-Edukazzjoni nieda programm ta' inizjattivi biex jiċċelebra s-settur vokazzjonali. Il-programm kien jinkludi kampanja ta' informazzjoni pubblika (fuq is-suġġetti vokazzjonali u l-karrieri li dawn iwasslu għalihom), kif ukoll sensiela ta' premjijiet  għas-settur tat-Tagħlim u Taħriġ Vokazzjonali – il-Malta VET Awards. 

B'dan il-mod, il-gvern qiegħed iwessa' l-għarfien u l-viżibilità tat-tagħlim b'mod prattiku, li permezz tiegħu ħafna żgħażagħ u adulti jtejbu l-ħiliet bżonnjużi għall-ekonomija tagħna. 

Il-proċess tal-għażla għal dawn il-premjijiet kien miftuħ għall-pubbliku u dan wassal biex kollegi preparaw, kitbu u bagħtu nomini biex jiġu kkunsidrati mill-Bordijiet tal-Għażla. 

It-tliet rebbieħa huma:

VET/Applied Student Award – Premju intenzjonat biex jidentifika student kurrenti li jeċċella fl-istudji vokazzjonali tiegħu/tagħha: Liam Jake Vella, St Catherine's High School, Pembroke

VET/Applied Lecturer/Teacher/Trainer Award – Premju intenzjonat biex jidentifika għalliem/lettur/trainer li jeċċella fit-titjib tal-esperjenza tat-tagħlim VET jew li kkontribwixxa biex jintroduċi innovazzjoni fil-mod ta' kif jiġu mgħallma s-suġġetti vokazzjonali jew applikati (b'mod partikolari matul il-perjodu ta' COVID-19 li għexna s-sena l-oħra): Claire Lauri, Immaculate Conception School, Tarxien 

Training at Work Award – Premju intenzjonat biex jagħti valur lil prattiċi tajbin ta' tagħlim professjonali u prattiku li jsir fuq il-post tax-xogħol indirizzat għall-ħaddiema relevanti, li permezz tagħhom jissaħħaħ it-tagħlim matul il-ħajja: Simonds Farsons Cisk

​It-tliet Bordijiet tal-Għażla rċevew 14-il nomina fil-kategorija tal-għalliema u letturi; 13-il nomina fil-kategorija tal-istudenti; u tliet nomini fil-kategorija tat-tagħlim fuq il-post tax-xogħol. Il-Ministru Caruana awgurat lir-rebbieħa u rringrazzjat lil dawk kollha involuti b'apprezzament għall-impenn tagħhom, filwaqt li qalet li ma kellhiex dubju li dan l-impenn qed jitkompla, irrispettivament mill-premjijiet li ngħataw.