Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210376

PR210376

23/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ: L-instabbiltà fis-Sahel twassal għall-instabbiltà fil-Libja b’implikazzjonijiet fir-reġjun tal-Mediterran – il-Ministru Evarist Bartolo



Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rimarki tiegħu, il-Ministru Bartolo rrefera għall-komunikazzjoni dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar u saħaq dwar l-importanza tad-djalogu mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar b’mod operattiv u tekniku, sabiex iwassal għall-assistenza tal-irkupru ekonomiku. Il-Ministru Bartolo qal li Malta tilqa’ l-pjan ta’ investiment għal dan ir-reġjun, iżda sejjaħ għal aktar involviment attiv, speċjalment fil-Libja. Filwaqt li l-isfidi mhumiex żgħar, l-Unjoni Ewropea xorta waħda teħtieġ li tintensifika l-isforzi tagħha. Huwa laqa’ wkoll l-impenn tal-Kummissarju Ewropew Varhely f’dan ir-rigward.

Il-Ministru Bartolo rrefera wkoll għas-summit dwar ir-reġjun tas-Sahel, u saħaq fuq l-importanza li jerġa’ jkun hemm stabbiltà f’dan ir-reġjun, peress li l-instabbiltà f’dan ir-reġjun twassal għal instabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran, minħabba l-influssi migratorji, kif ukoll minħabba il-ġlieda konta t-terroriżmu. Is-sitwazzjoni f’dan ir-reġjun teħtieġ aktar koperazzjoni fl-Unjoni Ewropea u anke f’fora oħra multilaterali.

Il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin ddiskuta wkoll is-sitwazzjoni politika fir-Russja u f’Hong Kong.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin kellhom ukoll laqgħa virtwali mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony J. Blinken dwar it-tiġdid tar-relazzjonijiet transatlantiċi, kif ukoll dwar it-tisħiħ tal-multilateraliżmu. 

Fil-marġini tal-Kunsill, Malta u s-Slovakkja ffirmaw ftehim dwar il-Protezzjoni Reċiproka tal-Informazzjoni Klassifikata.