Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210661

PR210661

08/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANI U L-ANZJANITÀ ATTIVA Il-protezzjoni tad-drittijiet umani tal-anzjani qatt ma kienet daqshekk neċessarja daqs illum

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittjiet umani tal-anzjani qatt ma kienet neċessarja daqs illum.

Waqt messaġġ virtwali fil-11-il Assemblea Ġenerali tal-grupp ta’ ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet umani tal-anzjani, il-Ministru Michael Farrugia qal li meta wieħed iħares lura lejn l-aħħar 13-il xahar, ma jistax ma jenfasizzax biżżejjed fuq l-irwol kruċjali tal-istrateġiji nazzjonali ta’ Malta dwar l-anzjanità attiva, il-kura tad-dimensja u l-kura fit-tul fis-suċċess ta’ Malta li tissalvagwardja l-benessere tal-anzjani minkejja d-distanza soċjali u l-miżuri restrittivi. 

“Miżuri proattivi bħal dawn wasslu għal żieda fil-pensjonijiet għal sitt snin konsekuttivi, it-tisħiħ ta’ servizzi ta’ ħarsien domiċiljarji u t-twaqqif ta’ servizzi partikolari bħall-iskema Live-in-Carer, li tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-anzjani li jimpjegaw carer tal-għażla tagħhom full-time”, qal il-Ministru Michael Farrugia. 

“Madanakollu, ma nistgħux nistrieħu fuq dawn il-kisbiet imma qegħdin inħarsu kontinwament ’il quddiem. Waqt li qed nitkellem qed jitħejjew pjanijiet biex noffru l-programm ta’ taħriġ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – iSupport, għall-carers ta’ persuni bid-dimensja, it-tnedija tat-tieni politika nazzjonali dwar l-anzjanità attiva, il-ftuħ ta’ ċentru dwar il-ħarsien tad-dimensja li jipprovdi lill-anzjani b’ICT b’xejn u l-bidu mill-ġdid tal-Università tar-Raba’ Età li jipprovdi opportunitajiet ta’ tagħlim fit-tul għall-anzjani li għandhom diffikultajiet ta’ mobilità jew dimensja”.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-Gvern Malti jemmen li d-drittijiet umani tal-anzjani għandhom ikunu minsuġin fiċ-ċentru tal-politika soċjali. L-istrateġiji se jkollhom fil-mira tagħhom il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani fil-faċilitajiet korrettivi, dawk li għandhom diżabilitajiet fit-tul u anzjani LGBTIQ. 

Semma li ħafna anzjani jesperjenzaw diversi ostakli meta jiġu biex jaċċessaw il-ġustizzja minħabba problemi finanzjarji, ġeografiċi, kulturali u raġunijiet ta’ saħħa. “Fil-mitigazzjoni, kemm il-ħarsien fil-komunità u anke s-servizzi legali qed jissaħħew biex l-abbuż u d-dskriminazzjoni f’dik li hija età ma tibqax isseħħ mingħajr il-possibilità ta’ rimedju”. 

Il-Ministru Michael Farrugia kkonkluda l-intervent tiegħu billi tenna li r-realtajiet tal-COVID-19 mhux se jkomplu jtellfuna żmien u hemm pjanijiet rigorużi ta’ irkupru għall-popolazzjoni anzjana biex inġibu għaż-żmien li tlifna minħabba l-pandemija.