Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201744

Pr201744

16/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

B'referenza għall-istqarrija li ħarġet l-Oppożizzjoni dwar it-twaqqif tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta' Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex irid jgħid li jinsab sorpriż b'din ir-reazzjoni tal-kelliem tal-Oppożizzjoni wara li l-proċess għadda mill-fażijiet kollha tal-Parlament.

 

Bil-kontra ta' dak li qed jgħid il-kelliem tal-Oppożizzjoni, jew parti mill-Oppożizzjoni, din l-awtorità se tkun mutur ta' ideat u policies u hija komposta minn elementi differenti, stakeholders differenti mill-gżira Għawdxija.

 

Din l-awtorità Għawdxija se tkun qed tfassal il-politika għall-Għawdxin u se tkun qed tagħmel is-sottomissjonijiet finanzjarji tagħha lill-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji sabiex tingħata l-mezzi kollha sabiex taħdem b'mod effiċenti u effikaċi.

 

Il-Ministeru għal Għawdex iżda jrid iżid li dan il-gvern ma stenniex għat-twaqqif ta' xi awtorità biex jaħdem favur Għawdex u l-Għawdxin. Biżżejjed wieħed iħares lejn l-ammont ta' xogħol maħluq, ir-rata ta' qgħad, it-tkabbir ekonomiku ġġenerat, u l-investiment bla preċedent fil-gżira Għawdxija.

 

Għawdex jibqa' prijorità assoluta ta' dan il-Gvern u dak li ħabbar ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela—f'laqgħa tal-Kabinett proprju fil-gżira Għawdxija—dak li qabbad lil diversi entitajiet sabiex iħejju strateġija għal Għawdex, huwa prova ta' dan.

 

Ikun aħjar għall-Oppożizzjoni li flok tattakka lill-gvern għax qatt daqs dawn l-aħħar snin ma kien hemm ħidma f'Għawdex, tkun għal darba ftit pożittiva u tagħti ftit ċans lil din l-awtorità, li twaqqfet uffiċjalment jumejn ilu, taħdem.

 

Filwaqt li huwa ċar li l-Oppożizzjoni m'għandha l-ebda interess li tara lil Għawdex jipprogressa, il-gvern jibqa' kommess li jisma' mill-Għawdxin iżda fuq kollox li jwettaq.

 

​