Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201741

PR201741

16/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u l-Emirati Għarab Magħquda se jsaħħu r-rabtiet fil-kummerċ, l-investiment u fil-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika internazzjonali

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda Anwar Gargash.

 

Iż-żewġ Ministri ddiskutew oqsma fejn il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tista' tissaħħaħ, primarjament fil-kummerċ, fl-investiment u fil-kooperazzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika internazzjonali. Malta u l-Emirati Għarab Magħquda se jaħdmu flimkien ukoll biex jerġgħu jibdew it-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi.

 

Waqt li rrifletta fuq il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea li tilqa' n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Iżrael, il-Ministru Bartolo stqarr li, “Malta temmen fis-Soluzzjoni ta' Żewġ Stati bħala s-soluzzjoni biex issolvi l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina. Malta tixtieq tara liż-żewġ naħat ipoġġu flimkien u jinnegozjaw it-triq 'il quddiem." Għal dan l-għan, Malta tilqa' t-titjib fir-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-ġirien Għarab tagħha.

 

Il-Ministru Bartolo saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-Libjani kollha minn kull naħa tal-Libja jingħaqdu flimkien u jerġgħu jibnu pajjiżhom għall-benefiċċju tagħhom ilkoll. Il-Ministru Bartolo afferma li, “Malta trid Libja magħquda mmexxija mil-Libjani għal-Libjani." Il-Ministru Bartolo qal li dawk li verament iridu li l-ħajja tal-Libjani titjieb għandhom jgħinu lil-Libjani min-naħat kollha biex jaħdmu flimkien.

 

Il-Ministru Bartolo rrikonoxxa kif it-Turkija u l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali ilhom jgħinu biex jipprevjenu immigranti irregolari milli jaslu Malta mil-Libja, u tenna li Malta hija pajjiż newtrali u mhix se tintuża minn xi stat barrani bħala bażi militari kontra xi pajjiż ieħor. Malta trid tgħix fil-paċi mal-pajjiżi kollha.​