Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201735

PR201735

16/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020 tibda nhar il-Ġimgħa

​​​​​

Nhar il-Ġimgħa li ġej se jingħata bidu għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020, bit-tema “Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek”.
 
Din is-sena l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku se tkun waħda b’differenza, li tirrifletti ċ-ċirkostanzi li jinsab fihom il-pajjiż f’dan il-mument. Huma l-istess ċirkostanzi li wrew lis-Servizz Pubbliku fl-aqwa tiegħu u li baqa’ jagħti servizz sħiħ lill-klijenti tiegħu. Dan kollu se jingħata xhieda tiegħu matul l-attivitajiet li se jittellgħu minn nhar il-Ġimgħa li ġej, it-18 tax-xahar, sal-Ġimgħa ta’ wara, il-25 ta’ Settembru.
 
Fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tas-sena li għaddiet is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kien ħabbar li din is-sena kellha tkun waħda li matulha t-tiġdid kollu li sar matul dawn l-aħħar snin ikun konsolidat u iktar minn hekk isir eżami tiegħu, jiġi analizzat biex is-Servizz Pubbliku jibqa’ jibni fuq it-tajjeb li sar, u jiġi rranġat fejn jinħtieġ li jsir hekk. Minkejja l-isfidi li għddejjin minnhom, dan il-konsolidament sar u se jkun qed jingħata l-ewwel rendikont tal-effetti tat-tiġdid li sar, il-livelli ta’ fiduċja li rriżultaw, liema miżuri ħallew l-effetti tagħhom u liema hemm konoxxenza tagħhom mill-klijenti tas-Servizz Pubbliku.
 
Iżda minbarra dan, matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku se nkunu qed inħarsu lejn l-isfidi tas-settur pubbliku għaż-żmien li ġej u kif minn dawn l-isfidi se jinħarġu opportunitajiet bħal bilanċi ġodda bejn il-ħajja u x-xogħol, iktar investiment fl-impjegati, iktar investiment fit-teknoloġija, u iktar innovazzjoni fil-provvista ta’ servizz lill-klijenti.
 
Ma jonqosx li s-Servizz Pubbliku mhux biss jikkonsulta mal-klijenti tiegħu matul din il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku iżda wkoll jgħarraf lill-pubbliku bil-ħidma tiegħu ta’ dawn l-aħħar snin u kif din il-ħidma wasslet biex qed jingħata servizz ferm aħjar milli kien jingħata.
 
Tabilħaqq li l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku se tkun qed turi iktar il-bażi li fuqha nbena u għadu qed jinbena s-servizz lill-klijenti u kif is-Servizz Pubbliku jagħti valur għoli lill-kontabbiltà fil-ħidma tiegħu.
 
ĠIMGĦA GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU 2020 – SERVIZZ PUBBLIKU DEJJEM MIEGĦEK​

IL-PROGRAMM
 
Il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru
12:00 Ħarsa lejn il-ħidma tas-Servizz Pubbliku
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni jiftaħ il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku u jniedi l-pubblikazzjoni “Il-Ħidma tas-Servizz Pubbliku”. Wara se ssir preżentazzjoni dwar studju akkademiku li jittratta t-tiġdid tas-Servizz Pubbliku. 
 
21:00   Kunċert
Il-PBS se jxandar kunċert mill-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta minn Ħaġar Qim.
 
It-Tnejn 21 ta’ Settembru
10:00 – 18:00 Heritage Malta tiftaħ il-mużewijiet kollha b’xejn fil-Belt Valletta
Għall-ewwel darba se tkun għall-wiri, fil-Mużew tal-Arkeoloġija, l-ittra li Napuljun kiteb lill-ġenerali tiegħu fejn ordna l-invażjoni ta’ Malta. Tibqa’ għall-wiri matul il-ġimgħa kollha.
 
It-Tlieta 22 ta’ Settembru
09:30 Seminar dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni jindirizza seminar dwar il-prospetti tal-intelliġenza artifiċjali fil-ħidma tas-Servizz Pubbliku.
 
17:30   Laqgħa mal-klijenti dwar il-Fondi tal-Unjoni Ewropea
 
                    
L-Erbgħa 23 ta’ Settembru
10:30               Bilanċi Ġodda
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni jindirizza seminar dwar bilanċi ġodda bejn il-ħajja u x-xogħol fis-Servizz Pubbliku.
 
17:30 ­Laqgħa mal-klijenti dwar ix-Xiri Pubbliku
 
Il-Ħamis 24 ta’ Settembru
12:30    Ħarsa lejn il-ħidma tal-Istitut għas Servizzi Pubbliċi u ftuħ ta’ librerija ġdida
 
 
18:30   Ċerimonja Għoti ta’ Awards
Serata preseduta mill-President ta’ Malta George Vella li matulha se jingħataw awards lil min spikka b’ħidmitu matul din is-sena.
                       
Il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru
11:00   Pubblikazzjoni Governance Action
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni jniedi pubblikazzjoni bit-tweġiba tal-Amministrazzjoni Pubblika għar-rapporti tal-Awditur Ġenerali.
 
21:00   Kunċert
Il-PBS se jxandar kunċert mill-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta mill-Forti Sant’Iermu bit-tema “Rebbieħa”.
 

L-attivitajiet kollha se jixxandru LIVE fuq il-paġna Facebook tas-Servizz Pubbliku (https://www.facebook.com/servizzpubbliku/​).
 
Matul il-ġimgħa kollha, qabel l-aħbarijiet tat-8pm, il-PBS se juri kuljum filmat ta’ madwar 3 minuti li jagħti ħarsa lejn il-ħidma tas-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar seba’ snin.
 
Il-programm jinkludi wkoll żjara fi skola mis-Segretarju Permanenti Ewlieni kif ukoll diversi żjarat oħra f’postijiet tax-xogħol.