Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200551

PR200551

25/03/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA It-trasferiment tas-sit tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi


 

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, rapport intitolat ‘The disposal of the site formerly occupied by the Institute of Tourism Studies’.

 

F’Novembru 2015, Projects Malta Ltd ħarġet talba għal proposti għad-disinn, il-bini u l-operat ta’ żvilupp turistiku u ta’ divertiment f’San Ġiljan, fuq is-sit okkupat mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS). Fi Frar 2016, il-Konsorzju Seabank, l-uniku offerent, ġie nominat bħala l-proponent ippreferut bl-offerta tiegħu ta’ €17,000,000. In-negozjati mal-offerent intemmu f’Jannar 2017, bil-Kabinett japprova l-valur ta’ €56,000,000 stabbilit minn Deloitte, li assistew lill-gvern f’dan ir-rigward. Fl-1 ta’ Frar 2017, il-Kummissarju tal-Art u d-dbSG, il-kumpanija ffurmata mill-konsorzju, daħlu f’kuntratt għal 99 sena. Għalkemm l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni mid-dbSG f’Settembru 2018, il-Qorti tal-Appell qieset il-permess null f’Ġunju 2019. F’Lulju 2019, id-dbSG ippreżentat applikazzjoni ġdida għal xogħlijiet ta’ skavar waqt li l-applikazzjoni oriġinali nżammet attiva. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ntalab jirrevedi t-trasferiment tas-sit mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi f’Marzu 2017, bil-proċess ta’ verifika jibda f’Jannar 2019. Dawn li ġejjin huma l-konklużjonijiet ewlenin tal-NAO.

 

F’termini ta’ governanza, l-oriġini tad-deċiżjoni li jiġi trasferit is-sit baqgħet mhux ċara, li kien ta’ tħassib serju minħabba n-natura tal-art li kellha tiġi trasferita. L-ebda informazzjoni li tispjega din id-deċiżjoni jew min kien involut fiha ma ġiet ipprovduta, bl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tat-Turiżmu jassenjaw responsabbiltà lil xulxin. L-NAO hu tal-fehma li d-deċiżjoni li jiġi trasferit is-sit ingħatat prijorità fuq ir-rilokazzjoni tal-ITS, meta suppost ġara bil-kontra. Is-sens falz ta’ urġenza li ġiegħel lill-gvern jiddisponi mis-sit, minkejja ebda post alternattiv għall-ITS u n-nuqqas ta’ masterplan għaż-żona, kien ta’ tħassib. Fir-rigward tat-trasparenza, l-NAO tħasseb dwar l-informazzjoni mogħtija fis-sejħa għal proposti. Għalkemm l-element residenzjali tal-proġett kien il-qofol biex tiġi assigurata l-vijabbiltà tiegħu, dan l-element ingħata importanza limitata. Aspett ieħor ivverifikat kien jekk ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku kinux osservati f’dan it-trasferiment. Projects Malta Ltd intenzjonalment ikklassifikat it-trasferiment bħala konċessjoni, liema klassifikazzjoni ħolqot obbligi fuq il-gvern, partikolarment l-involviment tad-Dipartiment tal-Kuntratti qabel il-pubblikazzjoni tat-talba għall-proposti. Dawn l-obbligi ma ġewx imħarsa u allura jitfgħu dubju dwar ir-regolarità tat-talba.

 

Negozjati twal mal-konsorzju rriżultaw f’valur ogħla għas-sit. Filwaqt li normalment negozjati ma jsirux wara li jintgħażel l-offerent, dawn ma kinux speċifikament preklużi mil-liġi. Madanakollu, l-NAO  tħasseb sew dwar il-Kumitat tan-Negozjar, b’ċerti membri jonqsu milli jipprovdu kwalunkwe kontribut. Barra minn hekk, ma nżammet l-ebda dokumentazzjoni dwar dawn in-negozjati, liema nuqqas xekkel lill-NAO milli jistabbilixxi l-fatti kollha dwar il-proċess ta’ negozjar. B’hekk, il-Kumitat tan-Negozjar naqas serjament mil-livell mistenni ta’ governanza.

 

Il-valutazzjoni tal-NAO tas-sit fl-2016 kienet ta’ €67,000,000, li kienet differenti minn dik li wasal għaliha l-gvern, €56,000,000. Il-kuntratt esiġa reviżjoni fil-valur tas-sit abbażi tal-firxa tal-iżvilupp approvat. L-applikazzjoni għall-iżvilupp sottomessa u approvata fl-2018 kienet għal proġett ferm iżgħar, b’torri residenzjali wieħed minflok tnejn u tnaqqis fid-dimensjonijiet tal-lukanda. B’riżultat ta’ dawn ir-reviżjonijiet, l-NAO stabbilixxa valur tal-art fl-2018 ta’ €45,000,000. Din il-valutazzjoni kienet tikkorrispondi ma’ dik stabbilita bl-applikazzjoni tal-parametri stipulati fil-kuntratt. It-tnaqqis fil-valur kien attribwit għal reviżjoni fil-firxa tal-iżvilupp u ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni bejn l-2016 u l-2018.

 

Fl-opinjoni tal-NAO, ir-rilokazzjoni tal-ITS ma kinitx ippjanata b’mod xieraq, biż-żmien stabbilit sabiex l-Istitut jiċċaqlaq mis-sit tiegħu f’San Ġiljan mhux realistiku, liema nuqqas wassal għal bżonn ta’ post temporanju alternattiv. L-ispiża diretta għall-gvern biex jiġi rranġat il-kampus temporanju f’Ħal Luqa kienet ta’ €2,000,000, filwaqt li l-ispiża tal-kampus permanenti ta’ Smart City kienet stmata  €80,000,000. L-NAO nnota li d-Dipartiment tal-Artijiet kien assenti mill-proċess li wassal għat-trasferiment tas-sit, minkejja li huwa kien l-entità tal-gvern li kellha l-mandat li tiddisponi minn art pubblika. Minflok kienet Projects Malta Ltd li assumiet il-kontroll fuq il-proċess. Tħassib ieħor identifikat kien marbut mal-mod frammentat għall-iżvilupp taż-żona, bl-effetti kumulattivi ta’ żviluppi oħra fil-viċin ma jiġux meqjusa fl-approvazzjoni tagħhom.

 

Ir-rapport, kif ukoll il-verżjoni mqassra, jistgħu jiġu aċċessati billi wieħed iżur is-sit www.nao.gov.mt  jew mill-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

 ​

​​