Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200244

PR200244

14/02/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-IMMANIĠĠJAR TAL-ILMA Kollox jinsab lest biex jinbdew it-tiswijiet fuq l-Interconnector

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia ħabbar li wara li fil-ġranet li għaddew ġie konkluż l-istħarriġ biex jiġi determinat xi ħsara twettqet fuq l-Interconnector bejn Malta u Sqallija, ġie ffirmat il-ftehim mal-kumpanija biex jinbeda x-xogħol ta' tiswija u kollox jinsab lest biex ix-xogħol jibda fil-ġranet li ġejjin.

 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-ministru qal li l-kumpanija Nexans Norway, li hija l-istess kumpanija li wettqet il-proġett tal-installazzjoni tal-Interconnector, ħadmet fuq pjan ta' azzjoni biex jissewwa l-cable u għal dan il-għan, ġie kkummissjonat il-vapur MV Polar King biex iwettaq l-istħarriġ u jiddetermina n-natura tat-tiswija.

 

Mill-istudji li saru rriżulta li l-ħsarat twettqu fit-23 ta' Diċembru li għadda, u mill-filmati deher ċar li l-cable inqata' b'ankra li tkaxkret f'qiegħ il-baħar.

 

Il-Ministru Farrugia rrimarka li dan l-inċident wera kemm huwa importanti li pajjiżna llum il-ġurnata għandu taħlita differenti ta' sorsi ta' enerġija u l-gvern jimpurtah mill-poplu kollu u għalhekk salva lill-pajjiż minn sitwazzjoni kerha fejn kieku ma kellniex sorsi differenti, konna nispiċċaw mingħajr dawl għal diversi ġimgħat.

 

"Barra minn hekk", żied jgħid il-ministru, "irridu naċċertaw li ġaladarba d-domanda għall-elettriku qed tiżdied minħabba diversi raġunijiet, irridu nkunu proattivi u fil-fatt għaddejjin diversi diskussjonijiet biex naraw kif nistgħu nżidu b'mod qawwi l-użu ta' enerġija alternattiva."

 

Il-ministru żied jgħid li aktar tard illum, se jasal fil-port ta' Marsaxlokk, il-vapur u għada se jitgħabba fuqu l-'istandby cable' tal-Enemalta.

 

Ix-xogħol mistenni jitlesta sal-aħħar ta' Marzu u t-tiswijiet mistennija jiswew madwar €11-il miljun, liema ftehim qed isir maż-żewġ kumpaniji tal-assigurazzjoni.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jason Vella ta dettalji dwar il-programm ta' tiswijiet li se jinbdew mill-ġimgħa d-dieħla.